“Boy Scout ma jistax jirbaħ elezzjonijiet.”
Kien b’dan id-diskors skjett u dirett li l-editur maniġerjali tal-gazzetta MaltaToday Saviour Balzan iddeskriva l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u s-sitwazzjoni li qed tibqa’ tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Dan f’artiklu opinjoni, fil-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd hekk kif Balzan sostna li l-Kap Bernard Grech, li ma jidhirx li jgawdi rispett, huwa politiku ggranfat mal-kariga ta’ Kap għal raġunijiet li jafhom hu biss.
Fil-fatt, Saviour Balzan jaċċenna għas-sitwazzjoni kurrenti fil-Partit Nazzjonalista fejn aktar nies qed jitilqu mid-Dar Ċentrali. Hawn l-editur maniġerjali jsostni li Grech qed jiġi abbandunat mill-eqreb konsulenti tiegħu. Dan f’mument fejn l-aktar li għandu bżonn sapport.
Hawn Balzan għamel referenza għall-fundatur tas-sit Lovin Malta u dak li kien inkarigat imexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Chris Peregin.
Balzan tenna kif dan tal-aħħar, li ħalef li jsalva l-pajjiżu billi jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista, irriżenja eżatt wara r-riżultat elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista tilifha bl-akbar distakk fl-istorja ta’ Malta indipendenti.
Flimkien ma’ Peregin, irriżenjaw ukoll Ray Bezzina li kien il-Kap tas-Segretarjat ta’ Bernard Grech u riċentament ukoll l-id il-leminija tiegħu Jeremy Gingell, fost oħrajn.
Saviour Balzan jagħmel aċċenn ukoll għall-kandidatura sula ta’ Alex Perici Calascione għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-editur maniġerjali tal-MaltaToday isostni kif anke hawn Bernard Grech falla milli jimmanuvra favur għażla aħjar għal din il-kariga.
Fil-fatt, sorsi li kienu tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE kienu sostnew kif ħafna fi ħdan id-Dar Ċentrali kienu perplessi għall-aħħar bil-kandidatura ta’ Calascione hekk kif huwa altru mid-demm ġdid li l-Partit Nazzjonalista jgħid li qed jattira.
Intant Saviour Balzan jirreferi wkoll għall-karattru ta’ Bernard Grech hekk kif tenna li huwa nieqes mill-gravitas, mill-karisma u viżjoni biex jattira l-elettorat lejn il-Partit Nazzjonalista.
B’hekk Balzan temm l-artiklu tiegħu billi tenna kif ma’ jistax ikollok Oppożizzjoni jekk il-Kap tagħha huwa sempliċiment Boy Scout.