Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ġie mġiegħel isejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat Eżekuttiv għal għada fis-sebgħa ta’ filgħaxija.
Sorsi fid-Dar Ċentrali żvelaw ma’ ONE News li l-Kap Nazzjonalista għandu ħafna pressjoni mill-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex juża kull mezz u jqaċċat lil Adrian Delia darba għal dejjem.
Dan wara li dan kiteb kitba iebsa fil-konfront ta’ Jason Azzopardi u akkużah b’gideb u qerq.
Is-sorsi tagħna qalu li ta’ Busuttil qalu lil Bernard Grech, “Issa ċ-ċans!”, b’referenza biex Adrian Delia ma jitħalliex joħroġ għall-elezzjoni wara li anki fakkar lil Jason Azzopardi bi stejjer irrappurtati fuqu saħansitra minn ONE News, fosthom li ma kienx jiddikjara x’jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Fost dawk li beda jagħmel il-pressjonijiet hemm Manuel Delia, esponent tal-establishment u li staqsa lil Grech jekk issa wara dan kollu, għandux problemi b’Adrian Delia bħala kandidat Nazzjonalista.
Bernard Grech ikkonferma wkoll li ssejħet laqgħa urġenti tal-eżekuttiv Nazzjonalista wara kitbiet fuq il-midja soċjali.
Fl-aħħar sigħat ġie irrappurtat li deputati Nazzjonalisti u kandidati Nazzjonalisti ngħataw struzzjonijiet biex fil-pubbliku jidhru magħquda.
Fi struzzjonijiet ippubblikati fuq is-sit lovinmalta ftit wara li Adrian Delia u Jason Azzopardi komplew jesponu l-ġlied fil-grupp parlamentari ta’ Bernard Grech, ingħad li aktar ma tersaq l-elezzjoni ġenerali, aktar jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jidher li hu magħqud.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/05/05/bil-filmat-delia-jaghmilha-cara-li-mhux-se-jibqa-sieket-quddiem-il-gideb/
https://www.one.com.mt/2021/05/05/delia-jakkuza-lil-azzopardi-bgideb-u-qerq-u-jisfidah-biex-ifittxu-1/