Meta aktar minn 28% tal-kunsillieri Nazzjonalisti ma vvutawx għal Bernard Grech biex jibqa’ Kap Nazzjonalista, Grech qal li kellu inqas minn hekk li ma vvutawlux.
Huwa qal dan f’kummenti mal-ġurnalisti, wara li indirizza l-partitarji Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali fil-Kunsill Ġenerali, wara l-elezzjoni tal-Kap Nazzjonalista.
Elezzjoni li hija s-sitt waħda f’għaxar snin u hawnhekk Bernard Grech ħa sehem waħdu għall-ogħla kariġa fil-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi minn ONE News kif iħossu li kien hemm ammont sostanzjali li ma vvutawlux, Bernard Grech wieġeb hekk.
Ġurnalist: “Kif tħossok li kwart tal-Kunsilliera ma vvutawlekx jew anki astjenew f’din il-votazzjoni?”
Bernard Grech: “Żġur li ħafna anqas minn kwart tal-Kunsilliera ma vvutawliex.”
Skont osservaturi politiċi li tkellmu ma’ ONE News, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien fattwalment żbaljat li kien hemm inqas minn kwart tal-kunsilliera ma tawx l-appoġġ tagħhom biex jibqa’ Kap Nazzjonalista.
Dan hekk kif kien erba’ mija u erbgħin kunsillier Nazzjonalista, li ma vvutawx biex Grech jibqa’ Kap Nazzjonalista jew astjenew milli jivvutaw jew ħassru l-vot tagħhom.
Dan ir-riżultat qed ikun meqjus minn dawn l-osservaturi politiċi bħala wieħed li jkompli jikkonferma l-firda fil-Partit Nazzjonalista.
L-aħħar darba li Kap Nazzjonalista tellaq waħdu għal Kap kien l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono fl-2012.
Fi Frar ta’ dik is-sena, Gonzi kien ġab maġġoranza ta’ iżjed minn sitta u disgħin fil-mija tal-kunsilliera Nazzjonslisti.
Meta ONE News ipprova jistaqsi lill-Kap Nazzjonalista dwar il-firda fil-Partit Nazzjonalista huwa pront dar lejn il-ġurnalista tal-istazzjon tiegħu u ma weġibniex.