Daqqa oħra għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech waqt kampanja elettorali hekk kif bosta dikjarazzjonijiet u żviluppi qed ikomplu jimbarazzaw lil Kap waqt kampanja elettorali.
Is-sit Stradarjali żvela li s-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami ġiet ħielsa mill-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li l-ewwel Bernard Grech qabbad lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino biex jitlob lis-Sindku Naxxarija tirriżenja fuq allegat kunflitt ta’ interess fuq proġett fin-Naxxar.
Is-Sindku dejjem ċaħdet li għandha xi kunflitt ta’ interess u għat-talba tar-riżenja tagħha minn Grech, hija kienet sfidat lil Kap Nazzjonalista u akkużatu b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Issa l-iżvilupp li għaddiet tas-Sindku Naxxarija u Bernard Grech kellu jbaxxi rasu nżamm mistur minħabba li l-affari tidher kerha ħafna, speċjalment fi żmien elezzjoni.
Dan għaliex Bernard Grech ħareġ ta’ tellief fuq kwistjoni ma’ Sindku.
Dan l-iżvilupp fil-fatt ma ġiex ikkomunikat lill-midja iżda ma jistax jingħad l-istess għal meta Bernard Grech kien talab lis-Sindku tirriżenja, tant li anki stqarrija kien ħareġ.
Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta li għorku idejhom għal dak li kien qed jipprova jagħmel Bernard Grech fil-konfront tas-Sindku tan-Naxxar.
Waħda minnhom kienet Claudette Buttigieg li ħarġet tappoġġja l-proċess fil-konfront ta’ Muscat Fenech Adami.
Buttigieg tikkontesta d-distrett li fih hemm in-Naxxar u dejjem kellha l-biża’ li Muscat Fenech Adami bħala Sindku popolari tal-lokalità msemmija setgħet fil-futur toħroġ għan-nofs u tisfida b’mod dirett lil Buttigieg fuq id-distrett fejn hemm in-Naxxar.