Il-Ħadd filgħodu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla bir-retorika negattiva għal Budget li ressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla.
Dan hekk kif waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji Nazzjonalisti f’Ħal Balzan, huwa reġa’ qal li l-Budget huwa fl-arja.
“Dan il-Budget huwa budget fl-arja. Ħa nħalluh lil Robert Abela jibqa’ jbigħilna l-arja.”
F’diskors isteriku, Bernard Grech qal kif pajjiżna mhuwiex wieħed b’saħħtu.
“Malta għadha mhux b’saħħitha.”
Grech qal ukoll li l-poplu Malti huwa ddisprat taħt Gvern Laburista.
“Il-poplu qiegħed idawwar idejh bil-mod mal-ħabel.”
Bernard Grech semma kif Gvern Laburista qed jagħmel ftit tajjeb u dan qed isir bis-saħħa ta’ Gvernijiet Nazzjonalista.
“Int kull mhu qed tagħmel qed taqta’ l-frott tas-siġar, li bnejna aħna, li ħawwilna aħna.”
Qabel il-Kap Nazzjonalista, tkellem dak li s-sena l-oħra kien ċeda s-siġġu parlamentari lil Bernard Grech, fejn qal li huwa jemmen li kulħadd għandu jħallas it-taxxa.
“Jiena nemmen li kulħadd għandu jħallas il-VAT. Nemmen li kulħadd għandu jħallas it-taxxa.”
Imbagħad dak li għamel snin ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa u VAT dovuta, qal hekk.
“Aħna ma rridux l-evażjoni tat-taxxa.”
Waqt din l-attività politika, kompla wkoll is-sens ta’ elitiżmu fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-kandidat Nazzjonalista qal hekk.
“U serraħ rashek, aħna n-Nazzjonalisti, aħna l-Maltin veri.”
Intant Bernard Grech ried lin-nies jaraw il-każin tiegħu.
“U fuq kollox uruhom il-każin tal-Partit Nazzjonalista.”