Ftit tas-sigħat wara li ppubblika d-dokument tal-costings tal-wegħdiet tiegħu Bernard Grech spiċċa jgiddbu hu stess.
Dan hekk kif meta kwotajnielu mid-dokument tiegħu, spiċċa jmeri s-sewwa magħruf.
Fost l-oħrajn staqsejnih dwar il-fatt li d-dokument tiegħu jagħti garanzija ċerta li pajjiżna jerġa’ jispiċċa bħal żmien Gonzi PN, jiġifieri fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Colin Deguara: “Inti kont kritikajt lill-Gvern li żied id-dejn biex salva mal-100,000 impjieg. Issa int qed tgħid li ser tonfoq sitt biljuni f’ħames bid-dħul ikun inqas minn tliet miljuni. Allura..”
Bernard Grech: “M’hu vera xejn, m’hu vera xejn li d-dħul ikun inqas minn tliet biljuni.”
Hawnhekk giddeb dak li hemm imniżżel fid-dokument tiegħu hekk kif il-kalkoli tal-Partit Nazzjonalista stess juru kif id-dħul tal-Gvern għal ħames snin li ġejjin ser ikun ta’ ftit iżjed minn 2.7 biljun ewro.
Dan ifisser li bil-wegħdiet jiswew mas-sitt biljun ewro, Bernard Grech ser ikun qed idejjen lill-pajjiż mat-tliet biljun ewro oħra.
Staqsejna wkoll dwar il-fatt li bit-tramm bla binarji li qed iwiegħed jiswa kważi tliet biljun ewro, l-ispiża kapitali b’mod surreali qed tkun stmata li hija ta’ 1.9 biljun ewro.
Colin Deguara: “Għidt li ser tagħmel it-trackless tram b’2.9 billion issa inti l-ispiża kapitali qed tgħid li ser tkun 1.9 billion u ħa tagħmel l-isptarijiet, ħa tagħmel żewġ vapuri għal Għawdex, infrastruttura. Allura reġa’ bdielek, mhux ser tagħmlu t-trackless tram?”
Bernard Grech: “Milli jidher, li ma qrajtux tajjeb sew jew ma qrajtux kollu.”
Għalhekk erġajna għamilna kif qalilna hu u wara search fid-dokument sibna li saħansitra Bernard Grech lanqas huwa ċert jekk hux ser isir it-tramm għaliex skont id-dokument stess l-istudji dwar kemm il-proġett huwa fattibbli għadhom lanqas huma lesti.
Wara li tul il-kampanja elettorali Bernard Grech kien konsistenti fl-inkonsistenzi tiegħu, oħroġ il-għaġeb bid-dokument il-ġdid reġgħu għamlu t-tibdiliet għal wegħdiet tiegħu.
Din id-darba fit-taxxa għall-kumpaniji.
Wara li tul il-kampanja Bernard Grech semma’ ir-rati ta’ 25% u 15% issa l-costings saru fuq ir-rata ta’ 16.5%.
Colin Deguara: “Fl-aħħar dokument bdilt il-Corporate Tax għall-16.5%, din it-tielet darba li bdiltha f’kampanja elettorali , kif jistgħu jafdawk in-negozji..”
Bernard Grech: “Ma bdilt xejn ma bdilt xejn. Naprezza li tista’ tara għax aħna għandna l-costings, għandna l-programm.”
Colin Deguara: “Bdiltu, bdiltu ħames darbiet sitta, u erġajt bdiltu għal darba oħra llum.”
Imbagħad meta induna li kull darba qed igiddeb id-dokument tiegħu ftit sigħat wara li ra d-dawl tax-xemx, Bernard Grech iġprova juża l-ġurnalisti tal-midja tiegħu biex jiddefenduh mill-mistoqsijiet li fuqhom weħel u ma weġibx.