Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kellu jbaxxi rasu u jċedi quddiem id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis.
Wara li d-Deputat Ellis, li uża s-siġġu parlamentari biex jagħmel pressjoni fuq proġett li kellu interess fih bil-moħbi, tefa’ l-ballun f’saqajn il-Kap u bi sfida bagħtna nistaqsu lilu, Bernard Grech ħa pass lura u stqarr li l-każ huwa wieħed magħluq.
Colin Deguara: “Il-bieraħ staqsejt lil Joe Ellis għaliex trid tkeċċih inti, u qalilna nsaqsu lilek. Tgħidilna għaliex?”
Bernard Grech: “Dwar Joe Ellis, Joe Ellis jiena smajt dak li kellu xi jgħidli l-ispjega tiegħu. Sa issa jiena kuntent b’dik l-ispjega u allura dik il-kwistjoni hija magħluqa f’dak is-sens ukoll.”
Colin Deguara: “M’għandux jirriżenja jiġifieri? Case closed din ukoll?”
Bernard Grech: “Jekk jirriżulta xi affarijiet oħrajn jiena nitkellem.”
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li l-Kap Bernard Grech kellu pressjoni biex Joe Ellis, Avukat ukoll tal-għaqda Repubblika, jibqa’ u ma jitwarrabx.
Din il-pressjoni kibret speċjalment wara r-rapport tal-gazzetta Illum tal-Ħadd, li kompla ma’ dak li kienet qed tirrapporta l-gazzetta KullĦadd sa mill-bidu.
Intant konxju mid-dellijiet kbar li hemm fuq id-Deputat Ellis u mill-biża’ li hemm fid-Dar Ċentrali, li saħansitra jkomplu joħorġu iżjed affarijiet, Bernard Grech ma kienx komdu jkompli jwieġeb għal mistoqsijiet iżda qal biss li l-każ huwa magħluq u ddefenda lil Ellis.
Mgħejjun mill-ġurnalist tan-NET, li fil-filmati jidher jinfilsa ruħu bejn il-Kap u l-ġurnalist ta’ ONE News, Bernard Grech lebbet lejn il-karozza.
Colin Deguara: “Idejn Joe Ellis maħmuġin ukoll?”
Bernard Grech: “Grazzi ħafna, insellimlek ħafna.”
Colin Deguara: “Tan-NET ikollhom ċans jagħmlulek ħafna mistoqsijiet, naħseb tista’ twieġeb il-mistoqsijiet tiegħi le? Case Closed jiġifieri aċċettabbli għalik?”
Bernard Grech ma jweġibx u jagħti dahru lill-ġurnalist.
Colin Deguara: “Qed tużahom bħala refuġju l-ġurnalisti tiegħek Dr.Grech biex taħrab mill-ġurnalisti? Qed tużahom bħala refuġju Dr Grech?”
AQRA WKOLL: