Rapport tal-gazzetta Maltatoday wera li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech biddel id-distrett li se jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u minflok se jitfa’ ismu fuq il-ħames distrett, se jikkontesta fuq it-tnax-il distrett.
Il-Maltatoday irrappurtat li Bernard Grech ħa deċiżjoni fl-aħħar minuta li issa jkun kandidat fuq it-tnax-il distrett, apparti li se joħroġ ukoll fuq il-ħdax-il distrett, l-istess żewġ distretti li kien ikkontesta Simon Busuttil fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Il-ġimgħa l-oħra, fl-attività politika f’Ħal Safi, wara li ġimgħa qabel il-Prim Ministru ħabbar li se jikkontesta l-ħames distrett, Bernard Grech fakkar li anke hu se jikkontesta l-ħames distrett madankollu issa skont il-Maltatoday, il-Kap Nazzjonalista biddel id-deċiżjoni.
Fuq il-ħames distrett, fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, Toni Bezzina kien l-aktar kandidat Nazzjonalista li ġab voti.
Fuq it-tnax-il distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kellu mat-tlettax-il kandidat, bil-Maltatoday tirrapporta li għall-elezzjoni li jmiss, il-partit ta’ Bernard Grech għandu inqas min-nofs dak in-numru, jiġifieri sitta.
It-tnax-il distrett fih il-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u parti min-Naxxar.
Dan filwaqt li l-ħdax-il distrett fih il-lokalitajiet tal-Imdina, Ħ’Attard, il-Mosta u Burmarrad (parti minn San Pawl il-Baħar).