Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kellu jbaxxi rasu għal Adrian Delia u jħallih joħroġ fuq is-seba’ distrett wara li l-eks Kap kellu appoġġ notevoli fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Delia ħabbar fuq il-paġna tiegħu li huwa kandidat konfermat ukoll fuq is-seba’ distrett, apparti d-distrett l-ieħor li kellu diġà f’idu, it-tmien distrett.
F’intervista mal-ġurnalist ta’ ONE News fuq il-Fosos waqt l-attivitajiet tal-Indipendenza, Bernard Grech stess ikkonferma li ma riedx lil Delia joħroġ fuq id-distrett li ried l-eks Kap, jiġifieri s-seba’ wieħed, madankollu Grech innota li Delia kellu ċertu appoġġ fl-Eżekuttiv u kien kostrett iċedi biex tgħaddi ta’ Adrian Delia.
Meta l-ġurnalist ta’ ONE News Colin Deguara kien staqsa għaliex Jason Azzopardi ġa kellu ż-żewġ distretti f’idejh għall-elezzjoni ġenerali filwaqt li Delia kien għadu qed jistenna liema hu t-tieni distrett li se jikkontesta fuqu, Bernard Grech dlonk wieġeb li ma kienx kuntent b’dak li ried Delia.
Nifhmu li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-lejla li approvat kandidati oħra fuq distretti, Delia reġa’ għamel show of force ta’ għeruq li laħaq rabba’ fil-Partit Nazzjonalista meta kien imexxih.
Show of force oħra li kien għamel kienet lejlet l-Indipendenza meta n-nies tiegħu marru lebsin bil-flokkijiet tiegħu u qagħdu lura, saħansitra jibbujaw waqt id-diskors tal-Kap Bernard Grech.
Dan tal-aħħar ukoll ma kienx kuntent bil-mossa ta’ Delia u kien sejħilha inaċċettabbli.