B’rabta ma’ dak żvelat fuq it-Times, li d-Deputat Nazzjonalista David Thake għandu aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT li ma ħallasx, ħareġ stqarrija l-Partit Laburista.
Dan qal li dak żvelat fuq Thake huwa test ieħor għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hekk kif deputat minn tiegħu għandu iktar minn mitejn u sebgħin elf ewro f’VAT xi jħallas lill-Kummissarju tat-Taxxi.
VAT li ġabar mingħand il-klijenti u żammha f’butu minflok għaddiha lill-Istat kif inhu dovut.
Il-Partit Laburista nnota li fl-aħħar jiem Bernard Grech tkellem dwar l-evażjoni tat-taxxa u issa għandu każ ċar ta’ evażjoni qawwija ta’ taxxa fil-grupp parlamentari tiegħu stess.
Dan jekk Bernard Grech irid tassew juri li jemmen dak li jiktbulu fuq facebook.
Fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq li kulħadd jifhem li Bernard Grech se jibqa’ jkollu problema ta’ kredibbiltà għax hu nnifsu evada t-taxxa kontinwament sakemm aċċetta li jitqiegħed Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista spjega li Grech lanqas iżda għandu jaċċetta l-iskużi bażwija li ta Thake mat-Times, li waħħal fil-Covid meta dak irrapportat jixhed li l-aġir abbużiv tiegħu imur iktar minn hekk.
Iċ-ċifri fir-rapport ippubblikat fit-Times juru li dan hu każ ta’ VAT mhux imħallas fuq madwar miljun u nofs ewro dħul u fuq medda twila ta’ żmien.
“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu dan il-każ bl-ikbar serjetà għax ħadd mhu ’l fuq mil-liġi, lanqas id-deputati tal-Oppożizzjoni”, temm jinnota l-Partit Laburista.