Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bena d-dar tiegħu b’mod illegali u rregola ruħu wara li għamel l-istess bidliet fil-villa tiegħu mingħajr permess.
L-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar numru 499 tal-2019 turi li Bernard Grech talab li jiġu sanzjonijiet il-bidliet illegali li għamel f’daru fil-Mosta.
Il-Maltatoday irrappurtat li l-illegalitajiet fuq il-villa li Bernard Grech ftaħar li bena b’idu kienu jinkludu l-iżvilupp ta’ pump room, bidliet fid-disinn fil-faċċata, pannelli solari fuq il-bejt u bidliet anki fit-taraġ fid-daħla tal-villa.
L-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għal sanzjonijiet tal-illegalitajiet li għamel Grech, kienet ġiet aċċettata.
Fi stqarrija biex iwieġeb għal dan il-fatt, kelliem għal Bernard Grech ammetta li l-Kap Nazzjonalista wettaq l-iżviluppi fil-villa mingħajr permess biex imbagħad talab li jirregola ruħu.
F’kummenti lil midja fi tmiem dibattitu fin-Naxxar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Bernard Grech reġa’ pprova jirranġa n-nuqqasijiet tiegħu malli kien se joħroġ għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hekk għamel fil-ħlas tat-taxxa hekk kif wara snin twal ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa dovuta, ħallas biss wara li tefa’ ismu biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista.