Għal darba oħra, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ftaħar li hu għandu pjan għall-pajjiż. Huwa kien qiegħed jitkellem waqt kollegament telefoniku li sarlu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit, NET FM.
Qal, “Imma jrid ikollok pjan, trid tkun iffukat.”
Huwa reġa’ semma li għandu pjan u dan minkejja li anki l-midja lokali għal bosta drabi rrimarkat li l-pjani ta’ Grech jew ikunu mimlijin żbalji jew lanqas ikunu rriċerkati.
Is-sena li għaddiet, fl-aħħar appuntament elettorali li l-poplu ssejjaħ biex jivvota kien ġie nnotat kif il-programm elettorali ta’ Grech kien mimli żbalji, u ma jippreżenta l-ebda tip ta’ costings.
Id-dilettantiżmu Nazzjonalista ġie nnotat ukoll fid-dokument li ġie ppreżentat minn Grech qabel l-aħħar budget. Hawnhekk ukoll il-midja kienet irrimarkat li dan hu “mess”, tgħaffiġa sħiħa bi żbalji u taħwid.
Fl-intervista l-Ħadd filgħodu, li damet tnax-il minuta kollox, Grech ma tilifx l-okkażjoni biex jattakka lill-Gvern fejn skontu dan mhux jagħmel investimenti tajbin, waqt li qal ukoll li l-Gvern m’għandux pjan ekonomiku għall-pajjiż.
Kliem Bernard Grech jikkuntrasta sew ma’ dak li jgħidu l-esperti internazzjonali, inkluż mill-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif l-aħħar tbassir għar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea jisħaq li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan, apparti, l-aħħar rapporti ta’ għadd ta’ aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li wkoll tkellmu kif l-ekonomija Maltija għaddejja b’saħħitha, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna, fejn il-pajjiż ukoll laqa’ għall-akbar daqqiet tal-inflazzjoni.
It-tkabbir ekonomiku Malti mhux qed ikun innotat biss mill-istituzzjonijiet internazzjonali, iżda wkoll mill-kumpaniji lokali li qed ikomplu jinvestu b’saħħa.