Fl-ewwel test tiegħu dwar il-governanza t-tajba, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech falla fih. Dan hekk kif aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa wara li ħarġet l-aħbar dwar is-safra tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ġewwa l-belt f’Iżrael, Tel Aviv imħalsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, Bernard Grech baqa’ sieket.
Dan intqal mill-Ministru Owen Bonnici u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield, f’konferenza tal-aħbarijiet f’isem il-Partit Laburista.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma jistax jittieħed b’serjetà għax quddiem Jason Azzopardi, Grech huwa dgħajjef għaliex ma jistax jitkellem kontra d-deputati li għenuh sabiex sar Kap minflok Adrian Delia.
Qal li, “Qed tkompli taqa’ l-maskra ta’ dan il-politiku illi tispikka fih l-ipokresija, jispikka fih id-double standards, l-arroganza u fuq kollox ir-riga mgħawwġa ħafna illi juża għalih meta jqabbel lilu nnifsu ma’ politiċi oħrajn.”
Bedingfield semma’ wkoll kif il-ġimgħa l-oħra qabel ġie żvelat, meta kien mistoqsi ċar u tond dwar dan fuq l-istazzjon nazzjonali, Jason Azzopardi ħeba dan il-fatt.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal kif Bernard Grech li qed jilgħabha tal-palladin tal-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt, għandu kliem fieraħ biss hekk kif fil-mument tal-prova huwa baqa’ sieket.
Spjega li, “Huwa ċar ħafna li Bernard Grech għandu idejh marbutin, meta Azzopardi huwa parti importanti ħafna mill-klikka li poġġietu hemm.”
Il-Ministru Bonnici nnota wkoll kif barra din l-istorja ta’ Tel Aviv, hemm storja oħra dwar Jason Azzopardi. Din hija dwar l-inkjesta maġisterjali li nfetħet fl-elfejn u tlettax li tinvolvi rregolaritajiet fid-Dipartiment tal-Artijiet u frodi fuq art f’Għajn Dwieli.
Il-Ministru fakkar kif Bernard Grech diġa’ qabeż għal Jason Azzopardi billi ddefenda l-każ li fetaħ Azzopardi flimkien mal-għaqda Repubblika sabiex jiddaħħlu f’pajjiżna tnejn u ħamsin immigrant.
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar kif Jason Azzopardi għandu diversi rapporti tal-awditur ġenerali kontrih u semma’ każijiet fuq l-eks fabbrika tal-Lowenbrau, il-każ ta’ Spinola u l-każ tal-garaxx ta’ Ernest Tonna.