Id-deċiżjoni biex Graziella Galea tiġi Co-Opted fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista “ħaduha dawk li fil-Partit huma magħrufin bħala l-“Blue Heroes”, li għal darb’oħra raw li, f’dan kollu, jitħarsu l-interessi tagħhom.”
Irrapurtat dan il-gazzetta Kullħadd propju 3 ijiem biss wara li l-Kandidat Nazzjonalista Joe Giglio tħalla l-art mit-tmexxija tal-Partit tal-maduma.
Dan wara r-riżenja ta’ David Thake mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wara l-iskandlu dwaru li ġie żvelat fil-midja u li jikkonċerna n-nuqqas ta’ ħlas ta’ qrib miljun ewro f’VAT dovuta lill-istat. Dwar dan David Thake kien sostna li hu m’hu ħati għal xejn ħlief għal żball amministrattiv ta’ filing t’accounts fil-ħin.
Fl-artiklu tagħha, il-gazzetta Kullħadd spjegat ir-raġunijiet ewlenin għaliex Giglio ma kienx l-għażla ta’ Bernard Grech biex jiġi Co-Opted fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, il-Kulħadd tirraporta kif din kienet kollox barra għażla ta’ Bernard Grech hekk kif il-Kap attwali rriżulta li kellu pressjoni interna biex jassigura li l-Avukat Giglio ma jingħatax palata daqsekk qrib ta’ elezzjoni ġenerali.
Ir-raġuni ewlenija wara dan hija propju l-kandidatura ta’ Giglio fuq id-distretti ta’ żewġ protagonisti tal-‘Blue Heroes’, Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
Dwar dawn iż-żewġ bastjuni tal-establishment, il-Kullħadd tgħid li il-kandidatura ta’ Giglio xejn ma niżlitilhom tajjeb mill-bidu u għalhekk din id-darba kienu ċari kristall mal-Kap u n-nies ta’ madwaru. Dik li mhux biss ma kellhiex tgħaddi minn moħħhom li jipproponu lil Giglio, iżda lanqas kellu jkun hemm iċ-ċans li din tiġi diskussa.
Il-Kullħadd ittemm tgħid ukoll li huwa fatt magħruf li l-għaqda Repubblika kienet kontra li Giglio jsir parti mill-Grupp Parlamentari. Dan hekk kif il-president tal-għaqda Robert Aquilina qed juża l-għaqda biex jiddefendi lill-għażiż ħuħ, Karol Aquilina.