F’intervista fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sostna li l-politika mhux biss fjuri, imma wkoll għollieq, meta mistoqsi dwar l-attakki personali u l-ħdura ta’ ċerti esponenti Nazzjonalisti.
Hu anke sostna li l-messaġġ b’xi mod irid jasal, anke dak negattiv, u qal li mhux veru li hemm ħdura min-naħa tad-deputati tiegħu.
“Il-politika mhux biss fjuri. Hemm ukoll l-għollieq. Kulħadd b’xi mod il-messaġġ irid jasal u dak li huwa ħażin u negattiv, kif anke nagħmlu jien, nagħmlu. Issa nistgħu nużaw kliem aħjar? Iva nistgħu u jien dejjem nipprova nimxi f’dik id-direzzjoni, però ma naċċettax li hemm xi ħdura għaddejja jew xi ħdura personali għaddejja minn xi deputati tagħna ta.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
L-istess meta mistoqsi għaliex l-aġenda Nazzjonalista hi ddominata mix-Shift News u għaqdiet, bħal Repubblika, Grech sostna li hu jaqbel ma’ dak li dawn jattakkaw fuqu.
Dan qanqal ukoll il-memorja meta l-blogger Manuel Delia, tal-istess għaqda Repubblika, kien wissa lil Grech fil-bidu tal-ħatra tiegħu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista li, jekk ma jagħmilx kif jgħidulu, jispiċċaw itajrulu rasu wkoll kif ġara lil ta’ qablu.
“Il-Partit Nazzjonalista ma jistħix, anzi hu kburi li fi ħdanu jista’ jaħdem kulħadd.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
Għalkemm mistoqsi kemm-il darba minn Ricky Caruana biex jiddissassoċja ruħu mix-Shift News, Repubblika u Occupy Justice, il-Kap Nazzjonalista rrifjuta b’mod kategoriku li jagħmel hekk.
Dan filwaqt li adotta l-istess narrattiva ta’ dawn l-għaqdiet u sostna li l-Partit Laburista, skontu, hu dak li jiddefendi l-korruzzjoni u t-tixħim.
Ricky Caruana: “Iddissassoċja ruħek anzi minn magħhom, għax qed jagħmlulkom aktar ħsara hemm barra fit-triq milli ġid.”
Bernard Grech: “Sakemm qegħdin naqblu fuq dak li qegħdin ngħidu, jien m’għandi ebda problema.”