Il-ġlied intern kbir li issa ilu jiddomina fid-Dar Ċentrali ma qata’ xejn u kompla jintensifika ruħu t-Tnejn filgħaxija b’riżultat li kkonferma d-dgħjufija ta’ Bernard Grech quddiem Jason Azzopardi.
Dan wara li, għal darb’oħra, kellu jiltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista b’urġenza fid-dawl tal-allegazzjonijiet li għamel l-eks deputat Nazzjonalista.
It-Tnejn filgħaxija, Jason Azzopardi ħabbar li kien irriżenja minn membru tal-Partit Nazzjonalista u allega li waqt ikla Bernard Grech kien ġie influwenzat minn żewġ persuni biex jagħmel pressjoni sabiex tingħata proklama lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu, Jason Azzopardi allega li, waqt ikla ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ittieħed f’ġenb minn żewġ persuni li huma qrib Yorgen Fenech.
Azzopardi allega li hemmhekk issemma s-suġġett ta’ proklama għall-akkużat, b’Bernard Grech jagħti assigurazzjoni li, li kieku kellu jkun Prim Ministru, kien ikun dispost li jirrakkomanda l-għoti tal-proklama.
Fil-fatt, xhur ilu Bernard Grech kien iddikjara li kien lest jagħti proklama lil Yorgen Fenech.
Qal, “Jekk hemm bżonn, biex nagħmel dan, jien intih il-maħfra Presidenzjali. Iva, jien noffrilu l-maħfra presidenzjali. Jista’ jkun, iva, nikkunsidra mqar parti ħalli din il-persuna tagħtini l-informazzjoni li jien għandi bżonn.”
Jason Azzopardi qal li l-preżenza ta’ dawn il-persuni li tkellmu ma’ Grech f’din l-ikla ġiet ikkonfermata mill-Kap, Bernard Grech, il-Ħadd waranofsinhar waqt laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv, meta Grech ġie mistoqsi direttament.
Intant, wara li spiċċat il-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv it-Tnejn bil-lejl, Bernard Grech ġie mistoqsi dwar l-atteġġjament ta’ dak li kien ewlieni fost dawk li poġġewh fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk, Bernard Grech deher dgħajjef kontra Jason Azzopardi hekk kif kompla jipprova jpaċi miegħu. Dan wara li qal li ma jixtieq lil ħadd jintilef mill-Partit Nazzjonalista. Huwa qabbel lilu nnifsu ma’ missier ta’ familja u qal li b’hekk jinsab dispjaċut.
Qal, “Jien ma nixtieq lil ħadd li b’xi mod jintilef. Jiena nħossni missier ta’ din il-familja u allura ma niħux pjaċir la li jkun hemm xi ħadd li jkun muġugħ, la inkwetat, u lanqas, wisq iżjed, li jitlaq minn din il-familja.”
Viżibbilment għajjien, Bernard Grech qal ukoll li se jibqa’ għaddej bil-proċess ta’ konferma tiegħu bħala Kap. Dan minkejja dawn l-allegazzjonijiet serji li għandu fuq rasu.
Qal, “Ma nara l-ebda mod li dan għandu jsir. Għandhom isiru l-proċeduri regolari u allura, kif inhu u kif għandu jsir, ir-regoli tal-Partit Nazzjonalista huma li proprju s-Sibt li għadda għalqu l-expressions of interest fejn ħadd ma wera l-interess li jikkontesta lill-Kap. Jiena, ovvjament, urejt dak l-interess qabel.”
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna kif Bernard Grech għandu sens kbir ta’ urġenza biex jeħles din il-konferma llum qabel għada, għax jaf li dak li qed jintqal fuqu minn Jason Azzopardi jistgħu jdgħajfu fil-vot li għandu mal-Kunsilliera.
Fil-fatt, fi stqarrija separata, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista tenna li għandu fiduċja f’Bernard Grech. B’hekk, il-proċess ta’ konferma ta’ Kap se jkun jista’ jkompli għaddej mingħajr xkiel.