Għal Bernard Grech hemm riga differenti li tapplika għalih dwar l-ingaġġ ta’ persons of trust. Dan hekk kif għalkemm deputati tiegħu stess fil-passat fetħu kruċjata fuq il-Gvern dwar l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja, huwa qal li jekk ikun Prim Ministru huwa ma jsibx problema li jħaddem miegħu persuni ta’ fiduċja. F’intervista l-Ħadd filgħodu saħansitra qal li l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja huwa normali.
Qal, “Persons of trust mhux minn dejjem kienu Pepp u minn dejjem ser ikunu. Person of trust tista’ tagħżilha, dejjem kienet u minn dejjem ser tkun u jiena m’għandi l-ebda problema jekk inkun prim ministru nagħżel persuna ta’ fiduċja tiegħi biex jgħini f’xi area partikolari.”
Iżda dak li għalih u għal Gvern Nazzjonalista huwa aċċettabbli, għal Gvern attwali immexxi mill-Partit Laburista l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja huwa kundannabbli. F’diskors parlamentari li jmur lura għal Novembru tas-sena l-oħra, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina saħansitra kien qal kif l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja minn Gvern Laburista għandha tkun eċċezzjoni kbira.
Qal, “Il-positions of trust, il-persons of trust ikunu meqjusa bħala a ‘necessary evil’ u għaliex huwa a necessary evil nerġa’ ngħid, inti ma tfittix li tagħmlu r-regola iżda tagħmlu eċezzjoni kbira.”
Fl-intervista l-Ħadd filgħodu Bernard Grech stqarr li l-politiċi għandhom jitħallsu iżjed. Fi żmien fejn bosta negozji u ħaddiema qed jaffaċjaw pandemija li laqtet lid-dinja, Bernard Grech irid iżid il-pagi tad-deputati tiegħu. Dan filwaqt li qal li saħansitra għandhom ikunu jistgħu jingaġġaw ukoll nies jaħdmu magħhom.
Spjega, “Anke l-politiċi għandhom jitħallsu sew. Bla dubju Pepp, diġa tkellimt dwarha kemm il’darba jiena għandhom l-ewwel ħaġa mhux biss il-pagi tal-politiċi imma anke wkoll jkollhom compliment, staff kumplimentari.”
Il-kap Nazzjonalista Bernard Grech għal darba oħra esprima wkoll il-fiduċja fl-id il-leminija tiegħu Ray Bezzina. Huwa qal lil lil Bezzina huwa jemmen fih u jafdah.
Ray Bezzina kien involut f’ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, Ray Bezzina, huwa esponent ewlieni tal-għaqda Repubblika.
Ray Bezzina deher f’ħafna mill-emails żvelati mill-Maltatoday tliet snin ilu fejn jidher imexxi ‘l quddiem ingaġġ ta’ kostitwenti tad-deputati u eks Ministri Nazzjonalisti fil-Wasteserv.
Dan baqa’ jagħmlu sa ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tlettax fejn il-Partit Nazzjonalista kien fl-aħħar jiem tiegħu fil-Gvern u s-sondaġġi interni tiegħu wkoll bdew juruh li jrid jaqdef u jaqdi ċertu nies biex iżomm ċertu voti.