Bernard Grech bla pożizzjoni fuq is-servizzi tal-IVF f’pajjiżna.
Wara li fil-passat kritika s-servizzi tal-IVF li jingħataw f’pajjiżna huwa kien mistoqsi minn ONE News dwar jekk għandux f’moħħu li jekk ikollu t-tmexxija tal-pajjiż f’idu jdaħħal servizzi bħal PGD u s-surrogacy f’Malta.
Il-pgd huwa servizz ta’ ttestjar fuq l-embrijun fi stadju bikri filwaqt li s-surrogacy tfisser li omm iġorr tarbija f’isem ħaddieħor.
Quddiem dawn il-mistoqsijiet, huwa kien evażiv u deher ċar li qed idur u jilgħab għall-ħin.
Meta kien mistoqsi: “Jekk tkun Prim Ministru tibdel il-liġi biex kull servizz li jingħata barra li għandu x’jaqsam ma’ IVF jibda jingħata f’Malta? Dan jinkludi PGD u surrogacy?
Bernard Grech stqarr: “Ma tistax titkellem fuq is-suppożizzjoni ta’ liġi li għadha m’għaddietx. Mhux allura jekk hux ser tħallas għas-servizz. L-ewwel naraw, l-ewwel naraw, jekk hux ser ikun hemm il-liġi mbagħad naraw jekk hux ser inħallsu għaliha.”
Madankollu, l-Ġurnalist ta’ ONE News innota minnufih kif jekk ikun Prim Ministru, Grech jkollu l-poter li mhux biss jalloka fondi għal servizzi eżistenti iżda li jdaħħal u jintroduċi servizzi ġodda.
Iżda hawnhekk Grech ħa pass lura u qal biss li l-Partit Nazzjonalista dwar dan għadu wkoll bla pożizzjoni.
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Inti jekk tkun Prim Ministru tista’ tibdel il-liġi biex iddaħħal PGD u surrogacy. Naqblu? Fuq din naqblu?”
Bernard Grech qal, “Aħna nikkonsultaw. Aħna nitkellmu u iva nkunu nistgħu nieħdu pożizzjonijiet hemm ukoll.”