L-għada li ħabbar proposta li ċ-ċitazzjonijiet jibdew jinħafru jekk ma ssirx kontravenzjoni oħra fi żmien sitt xhur, Bernard Grech ma kienx jaf jagħti dettalji dwar il-proposta tiegħu stess.
ONE News staqsa jekk iċ-ċitazzjonijiet li jingħataw lil dawk li jipparkjaw f’postijiet riservati għal persuni b’diżabilità jew min iħammeġ barra, hux ser ikunu qed jinħafru jekk hu jkun Prim Ministru.
Qal, “Wara dak li għidt il-bieraħ. Jekk tipparkja ġo parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità dik tista’ tiffrankaha u jekk tħammeġ barra, l-istess tista’ tiffrankaha ċ-ċitazzjoni?”
Wara ħafna tidwir mal-lewża Bernard Grech spiċċa ta x’jifhem li f’dawk il-każijiet, iċ-ċitazzjonijiet ser ikunu qed jinħafru wkoll.
Qal, “Aħna rridu ninċentivaw li inti tħares il-liġi, ħalli persuni li jkollhom diffikultajiet ta’ diżabilità jsibu fejn jipparkjaw, ħalli persuni li jħammġu barra jitgħallmu u jkollhom inċentiv ma jerġgħux iħammġu.”
Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk bi proposti bħal dawn hux populist, Bernard Grech qal li mhuwiex, anki jekk bosta kkummentaw li l-wegħda ta’ Grech tħalli mpatti negattivi fuq l-infurzar fit-toroq u l-ispazji pubbliċi f’pajjiżna.
Lil Grech staqsejnieh jekk liċenzja hux ser tkun tista’ tiġġedded b’ċitazzjoni pendenti.
Dan hekk kif bħalissa liċenzja ma tiġġeddidx jekk iċ-ċitazzjonijiet ma jkunux imħallsa.
Għal dawn il-mistoqsijiet Bernard Grech ma kienx jaf iwieġeb.