Bernard Grech deher reattiv, meta ħabbar bidliet fix-Shadow Cabinet tiegħu, ġimgħa wara l-ħatriet ġodda li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Kabinett tiegħu.
Hekk kiteb l-analist politiku James Debono, f’artiklu ta’ analiżi fil-MaltaToday fejn innota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jibda s-sena l-ġdida b’dak li sejjaħ bħala eżerċizzju ta’ “musical chairs”.
Debono kiteb kif, minkejja l-intenzjoni ta’ Grech li jipprova jibgħat messaġġ ta’ gvern alternattiv, il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa deher reattiv u ħalla lill-Prim Ministru jfassallu l-aġenda tiegħu.
Mossa reattiva ewlenija, skont l-analist politiku, kienet id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech li jinkludi portafoll għat-tindif pubbliku, bħalma ngħata Glenn Bedingfield fil-ħatriet il-ġodda tal-Kabinett.
Hawnhekk il-ġurnalist kiteb kif Grech seta’ faċilment ħabbar ir-reshuffle tiegħu aktar ’il quddiem biex tidher li kienet inizjattiva tiegħu, minflok reazzjoni għal dak li ħabbar il-Prim Ministru.
Debono żied jinnota kif aktar milli Shadow Cabinet, dak ta’ Grech kien eżerċizzju biex iżomm lil kulħadd kuntent. Fil-fatt, l-analist politiku qal kif hu prematur li Grech għażel li jinkludi lid-deputati tiegħu kollha fix-Shadow Cabinet, meta l-Oppożizzjoni għadha qed issib saqajha wara tliet telfiet elettorali kbar.
Żied jgħid li, billi ta rwol lil kulħadd, Grech ipprefera jżomm il-paċi u jevita l-konflitti minn dawk li setgħu ħassewhom li baqgħu b’xejn. Minbarra hekk, dan joħloq konfużjoni u jwassal għal replikazzjoni ta’ ċerti rwoli.
L-artiklu nnota wkoll in-nuqqas ta’ sforz li sar biex in-nisa jingħataw importanza fix-Shadow Cabinet ta’ Grech. Fil-fatt enfasizza li mhemm l-ebda deputata li għandha xi portafoll marbut mal-ekonomija, l-infrastruttura jew l-enerġija.
Debono jtemm l-analiżi tiegħu billi jistaqsi jekk minflok ir-reshuffle tax-Shadow Cabinet ta’ Grech, kellux isir reshuffle tal-Kap innifsu.