Bernard Grech għażel li juża d-diskors li għamel taħt tinda f’San Ġiljan biex jitfa’ botti ta’ firda lid-Deputat Mario Galea u d-deputati li fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali daqqew l-irtirata.
“Bħalissa mhuwiex l-iktar żmien faċli li taħdem fil-politika meta nkunu telgħin u nkunu fuq faċli li kulħadd jiġi, imma bħalissa, minn qed jersaq, min qed resaq bħalissa, dawk huma n-nies tal-azzar.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan fl-istess jum li Mario Galea mal-Maltatoday u t-Times qal li nies qrib it-tmexxija ta’ Bernard Grech, l-establishment Nazzjonalista, għamlulu ħajtu nfern.
Huwa saħansitra stqarr kif affaċċja tgħajjir mill-istess persuni fuq is-saħħa mentali tiegħu.
Galea giddeb lil Kap Bernard Grech u stqarr kif mhux minnu li Grech talbu jirriżenja biex jagħmel spazju.
Taħt it-tinda f’San Ġiljan Bernard Grech semma lil Louis Galea u Francis Zammit Dimech, żewġ persuni prominenti mill-passat tal-Partit Nazzjonalista u li għadhom prominenti sew fit-tmexxija tal-Partit.
“Hawnhekk magħna ma nistax ma nsemmiehomx, għandna lil Francis Zammit Dimech u għandna lil Louis Galea. Kien hemm żmien meta dawn iż-żewġ persuni kienu pilastri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż.”
Evidenza li l-Partit Nazzjonalista huwa staġnat fil-passat huma filmati ta’ ONE News li jixhdu kif Francis Zammit Dimech għad għandu rwol ewlieni fit-tmexxija tal-Partit.
Fl-istess ġurnata f’kampanja elettorali, Zammit Dimech kien preżenti għal ħin twil fid-Dar Ċentrali bil-karozza tiegħu pparkjata fejn is-soltu jkun hemm il-karozza tal-Kap.
Sorsi mid-Dar Ċentrali qalulna kif il-bidla ta’ Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Ġenerali biex minfloku jilħaq Michael Piccinino, kienet biss waħda kosmetika hekk kif Francis Zammit Dimech xorta waħda għad għandu sehem qawwi fit-tmexxija tal-Partit.
B’Louis Galea u Francis Zammit Dimech fuq kull naħa, f’San Ġiljan Bernard Grech kompla jiftaħar bi Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat.
“Imma dak il-biljun ewro se nużawh ukoll biex insaħħu l-pilastri ekonomiċi illi bnejna fid-disgħinijiet, li bnejn fis-sittinijiet.”
B’din id-dikjarazzjoni Bernard Grech qajjem ukoll numru ta’ mistoqsijiet ġodda dwar din il-proposta prinċipali ta’ Bernard Grech f’kampanja elettorali.
Dan hekk kif issa qed jgħid li s-setturi kollha f’pajjiżna ser jgawduw mill-biljun ewro.
Wegħda li tfisser ukoll nofs biljun ewro dejn għal pajjiż kif ikkonfermat minn Bernard Grech stess.