Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech infexx jattakka lill-Gvern u lill-Prim Ministru f’diskors li għamel fil-Mosta l-Ħadd filgħodu. Diskorsu kien wieħed sinonimu għall-aħħar mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil hekk kif infexx jgħajjat u jipponta subgħajh f’diskors mill-iktar isteriku.
Grech stqarr: “Int Prim Ministru taf li għandek bomba tal-ħin li dalwaqt tisplodi f’wiċċek u f’wiċċna.”
Fil-fatt bħal donnu kliemu stess fakkru fl-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Dan hekk kif sellimlu u qal kif dan qed jagħmel xogħol ta’ fejda.
Huwa tenna: “Ippermettuli wkoll insellem lil Simon Busuttil illi anke hu jkun elett u kien elett minn fuq dan id-distrett u llum qed jagħmel xogħol ta’ fejda fil-Partit Popolari Ewropew.”
Għalkemm pajjiżna huwa it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-ogħla rata ta’ tilqim, Bernard Grech ippersista jgħid mod ieħor.
Dan hekk kif fl-istess jum li s-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti ħarġet tattakka lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ukoll stqarr li f’pajjiżna it-tilqim kontra l-Covid-19 qed isir bil-mod.
Grech sostna: “Sirna nafu u qegħdin nirrealizzaw u qegħdin nesperjenzaw fil-‘clinics’ tagħna kemm għandna roll out tal-‘vaccine slow’, bil-mod.”
Huwa prova jbenġel ukoll id-daqqa li qala’ pajjiżna fir-riċessjoni tal-2008 taħt Gvern Nazzjonalista u beda jqabbel mal-effetti li mistennija tħalli l-pandemija li laqtet lid-dinja.
Grech qal, “Dan qed jippreparana li din il-pandemija se tolqotna 50 darba agħar mir-riċessjoni tal-2008.”
L-isteriżmu tiegħu kompla jispikka hekk kif reġa’ kritika mekkaniżmu li ntuża għalih biex spiċċa fil-Parlament.
Hu saħaq: “Din il-ġimgħa rajna xi ħaġa tal-mistħija. Nużaw u nabbużaw mis-sistema elettorali baxx baxx, bil-moħbi, biex indaħħlu persuna fil-Parlament.”
Wara din id-dikjarazzjoni kontra co-option fil-Parlament sellem lil min irriżenja ħalli ssir co-option għalih biex ikun fil-Parlament: “Hawnhekk insellem lil Ivan Bartolo li għamel ‘The Ultimate Sacrifice’ biex ikun jista’ jagħti spazju lili.”
F’diskors ta’ nofs siegħa ma ssemmiet l-ebda proposta, anki għax nhar il-Ġimgħa f’intervista ma’ Reno Bugeja kien qal li jkun iblah jekk jipproponi l-affarijiet. Bernard Grech qal biss li bil-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija jara li kulħadd ikun laħaq dak li sejjaħlu l-ġid personali tiegħu. Madankollu, għamilha ċara li dan il-ġid mhux ser jinħass fil-but tal-Maltin u l-Għawdxin.
Grech saħaq: “Naraw li kull wieħed u waħda minna jkun laħaq il-ġid personali tiegħu. Mhux il-ġid tal-but.”