Is-Sibt filgħaxija l-eks Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi ddeċieda li jitlaq mit-tellieqa għal President Taljan.
Dan hekk kif għada, il-Parlament Taljan se jkun qed jibda l-proċess sabiex jinħatar President ġdid Taljan għas-seba’ snin li ġejjin.
Fi stqarrija, Berlusconi qal ħa dan il-pass għar- responsabilità nazzjonali.
Dan ifisser li issa l-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi huwa l-iktar favorit li jkun is-suċċessur ta’ Sergio Mattarella.
Fl-istqarrija, Silvio Berlusconi qal li huwa jixtieq li Draghi jibqa’ jmexxi l-Italja bħala Prim Ministru sal-aħħar ta’ din il-leġislatura, jiġifieri sas-sena d-dieħla.
Jekk il-Parlament Taljan jagħżel lil Mario Draghi għall-irwol ta’ President, il-pajjiż mistenni jaffaċċja instabilità politika u jmur għall-elezzjoni ġenerali.
Il-Parlament Taljan se jagħżel President ġdid it-Tnejn, fejn sabiex wieħed jinħatar f’dan l-irwol wieħed irid l-appoġġ taż-żewġ terzi, bil-vot ikun wieħed sigriet.