Mit-Tlieta, il-ħmistax-il elf persuna li jgħixu l-Ħamrun u l-Marsa se jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi tas-saħħa minn klinika komunitarja ġdida li nfetħet it-Tnejn fil-Ħamrun.
Din il-berġa ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.
F’din il-berġa, minbarra s-servizz ta’ tabib u infermier, se jiġu offruti wkoll servizzi ta’ podjatrija, fiżjoterapija, speech and language pathology, teħid tad-demm u klinika għall-iscoliosis.
Qal, “Illum ġewwa l-Ħamrun inawgurajna t-tmintax-il ċentru komunitarju għas-saħħa f’dawn l-aħħar sentejn u nofs madwar Malta u Għawdex. Inkomplu nagħmlu berġa ġo kull lokal, ġo kull raħal, ġo kull belt biex ċittadini u residenti ta’ kull lokal ikollu servizzi tas-saħħa viċin tagħhom.”
Il-flus għall-proġett biex saret din il-berġa ġew mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF.
Spjega, “Għalhekk qed ninvestu dawn l-għaxar miljuni mill-NDSF flimkien mal-kura primarja sabiex inkomplu ntejbu s-servizz tal-kura fil-komunità. Iva, naħdmu biex inġibu l-ġid, imma dak il-ġid imbagħad irid jasal għandkom u għalhekk qed nibqgħu niftħu dawn iċ-ċentri tas-saħħa fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna sabiex nibqgħu nagħtu servizz tal-aqwa livell u nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”