Fil-qalba ta’ Marsaxlokk ġiet inawgurata berġa ġdida li se tilqa’ l-ewwel pazjenti mill-komunità mit-Tnejn li ġej.
Din il-berġa hija spazjuża u se toffri firxa wiesa’ ta’ servizzi għall-komunità ta’ Marsaxlokk u servizzi speċjalizzati li jistgħu jintużaw min-nies tal-madwar ukoll.
Fil-berġa se jkun hemm servizz ta’ tabib tal-familja, infermiera, klinika tal-podjatrija, fiżjoterapija, speċjalisti tal-ispeech and language pathology, teħid tad-demm u servizz ta’ dietician li joffri pariri dwar dieta u nutrizzjoni tajba.
Għall-ewwel darba ukoll fil-komunità se jkunu offruti żewġ servizzi kompletament ġodda, dak tal-GU Clinic u klinika għas-saħħa mentali.
Dwar il-GU Clinic, li jieħu ħsieb is-saħħa sesswali, id-Deputat Prim Ministru qal li dan is-servizzi sa issa jingħata biss mill-isptarijiet. Qal li filwaqt li dan is-servizz se jibqa’, miegħu se jiżdiedu servizzi oħra fil-komunità biex persuni li għandhom bżonn appuntamenti ta’ malajr jinqdew aħjar. Dan is-servizz mistenni jkun disponibbli fiċ-ċentri tas-saħħa kollha.
Chris Fearne fakkar li bħalissa, ħafna bereġ qed jintużaw għat-tilqim kontra l-Coronavirus, u issa li ħafna nies diġà tlaqqmu, il-pjan hu li bilmod jerġgħu jinfetħu s-servizzi mill-bereġ li kienu jingħataw qabel.
Intant, il-berġa f’Marsaxlokk saret b’fondi mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali ta’ pajjiżna u bi ftehim mal-Università ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat innota kif din il-berġa, il-fondi mill-għaxar miljuni ddedikati għall-kura tas-saħħa primarja qed jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunità.
L-għan hu li ġo kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex ikun hawn ċentru tas-saħħa bħala parti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa.
Mill-aħħar elezzjoni fl-2017, infetħu bereġ f’Ħ’Attard, fil-Pietà, fil-Gudja, f’Ħal Għaxaq, f’Tas-Sliema, fil-Fgura, f’Ħaż-Żabbar, fil-Mellieħa, fiż-Żejtun, f’Ħaż-Żebbuġ, fix-Xewkija u fiż-Żurrieq. Aktar tard dan is-sajf se jifetħu wkoll bereġ f’Santa Luċija, fil-Kalkara u fil-Belt Valletta. Għaddejjin ukoll proġetti biex jinfetħu bereġ f’Marsaskala u fis-Siġġiewi.
Dan minbarra xogħol kbir fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira, il-Hub f’Raħal Ġdid u ċ-ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex.