Id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kkonferma l-iktar fatt importanti: Li kien direttur ta’ kumpanija Baltimore Fiduciary Services u allura kellu drittijiet u obbligi. Mill-kumpanija Baltimore kienu għaddejjin tranżazzjonijiet ta’ miljuni ġejjin mill-kumpanija Capital One. Capital One kienet għaddejja minn investigazzjoni kriminali b’rabta ma’ ħasil ta’ flus ġejjin minn traffikar ta’ droga.
Il-Partit Laburista spjega li jgħid x’jgħid Beppe Fenech Adami, bl-ammissjoni tiegħu llum, hu jaf tajjeb li bħala avukat u bħala politiku għandu responsabbilta’ meta jkun direttur fuq kumpanija fiduċjarja. Fl-istess ħin ma jemmnu ħadd, ħadd u ħadd li ma kienx jaf x’inhu għaddej minn din il-kumpanija.
Iżda l-Partit Laburista mhuwiex bħall-Partit Nazzjonalista. Se jirrispetta l-investigazzjoni li għaddejja minn tliet ex-Imħallfin, li fost l-oħrajn qed jinvestigaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet involuti.
Rigward li żeffen fin-nofs kwistjoni ta’ saħħa, l-istqarrija tgħid li l-Partit Laburista ma jinżilx għal-livell tal-Partit Nazzjonalista u ma jużax il-mard biex jattakka individwu anzi jirrispetta s-sitwazzjoni u jkompli jawguralu fejqan ta’ malajr.
Min-naħa l-oħra, politikament il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil jeħtieġ jgħaddi mill-kliem għall-fatti dwar is-suppost governanza li jitkellmu biss dwarha. Bil-fatti qed jirriżulta li l-ħmieġ tal-leġislatura li għaddiet għadu jifni lill-Partit Nazzjonalista li ma biddilx u ma nbidilx.