“Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qiegħed biss ikejjel b’xibru. Wara li tliet Imħallfin Emeriti kkonkludew li investigazzjoni tal-pulizija dwar ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga twaqqfet malli tfaċċa isem Fenech Adami, issa Beppe Fenech Adami stess qed jivvinta storja li ma teżistix.” – Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali
Fi stqarrija l-Ministeru spjega li diġà ċaħad l-aħbar infondata għal kollox li dehret fuq gazzetta u li issa ġiet repetuta kelma b’kelma minn Beppe Fenech Adami. M’hemm l-ebda kriżi fis-sistema tal-ID cards u ma ttieħed l-ebda sample ta’ 300 ID cards, għalhekk mhuwiex minnu li nstab 80 żball f’dan is-sample.
Is-sistema tal-ID cards tal-lum hi b’saħħitha u aħjar mis-sistema li kienet teżisti fi żmien gvern preċedenti – li ħalla l-ID cards kollha ta’ Malta u ta’ Għawdex jiskadu sena wara l-oħra.
L-istqarrija kompliet tispjega li l-poplu kollu jaf li l-Maltin biss jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali. Persuni mhux Maltin ma jivvutawx u lanqas biss jingħataw ID card iżda dokument ta’ residenza.
Għalhekk, meta Beppe Fenech Adami jikkwota każijiet ta’ barranin li lanqas biss ikollhom ID card, ikun qed jagħmel dan b’intenzjoni ċara li jħawwad l-imħuħ u jattakka l-kredibilità ta’ aġenzija li qed tagħmel xogħol tajjeb f’dan is-settur.