Iċ-ċermen tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Beppe Fenech Adami, baqa’ jrrifjuta li jixhed quddiem dan il-kumitat għax, skont hu, hemm bżonn li għas-seduti li fihom jixhed irid jinħatar ċermen ieħor mill-plenarja.
Il-membri tal-gvern saħqu li meta kienet bdiet tiġi diskussa t-talba mill-membri tal-Oppożizzjoni għal investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-Wasteserv bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017, huma kienu ġibdu l-attenzjoni ta’ Fenech Adami li kien se jkolli konflitt ta’ interess għax rieduh li jkun wieħed mix-xhieda tan-naħa tal-gvern.
Meta llum wara nofsinhar iltaqa’ l-kumitat, Fenech Adami qal li l-ewwwel xhud kienet Marthese Portelli.
Id-deputat Laburista, Robert Abela qallu li l-ewwel xhud ma kinitx Portelli iżda hu – iċ-ċermen tal-kumitat. Fenech Adami baqa’ jirrifjuta li jixhed f’dan l-istadju għax floku jrid jinħatar aġent president sakemm jixhed u wara jerġa’ jieħu l-presidenza. Abela qal li dan huma affarijiet bla preċedent.
Minkejja li n-naħa tal-Gvern qalet li lesta taqbel dak il-ħin stess biex membru tal-Oppozizzjoni jieħu l-presidenza tal-kumitat, Fenech Adami baqa’ jirrifjuta.
In-naħa tal-Gvern qablet li jintalab ruling fejn sakemm sar dan is-seduta ġiet sospiża.