Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ddefenda l-aġir tiegħu li lmenta dwar ibnu fl-istess ħin li pprova jgħid li m’għandux dettalji.
Hu u dieħel fil-Parlament, Fenech Adami qal li m’għandux dettalji wara li ibnu Edward m’għaddiex mill-eżami tas-sewqan għal aktar minn darba u hu bħala missier bagħat messaġġ lill-Ministru Ian Borg.
BFA: “It-Times qalet li kien xi messaġġ li jiena ma nafx bih dal-messaġġ.”
Mistoqsi jekk hu ilmentax mal-Ministru Ian Borg wara li ibnu Edward m’għaddiex, viżibilment mifxul u skomdu, Fenech Adami beda jħawwad u qal li m’għandux dati f’idejh.
BFA: “Il-kronoloġija tad-dati m’għandix.”
Għal mistoqsijiet ta’ ONE News, li dejquh mhux ftit, tant li spiċċa jross lill-ġurnalist mal-barrikati, Beppe Fenech Adami ta raġun lill-Ministru Ian Borg, jiġifieri li dak li għamel il-Ministru kien mal-parametri tal-liġi.
Iżda fil-Partit Nazzjonalista jeżistu d-double standards fejn naħa qed tipprova tgiddeb il-fatt li anke kitbet dwaru t-Times, jiġifieri li Beppe Fenech Adami kellem lill-Ministru Borg dwar ibnu, u fuq naħa oħra, l-istess Partit Nazzjonalista qed jgħid li Fenech Adami m’għamel xejn ħażin.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar pass iżjed minn Fenech Adami, li pprova jbenġilha li ma jiftakarx l-episodju meta mar jilmenta dwar ibnu.
Bernard Grech : “Tkomplux bil-gidba fuq Beppe Fenech Adami. Tkomplux intom bil-gidba fuq Beppe Fenech Adami.”
Imbagħad, f’konferenza tal-aħbarijiet, l-eks Kap Adrian Delia kkonferma li Fenech Adami lmenta u allura dak li ntqal mhux gidba, kif implika Bernard Grech.
Ġurnalist: “Ma lmentax jiġifieri?”
Adrian Delia: “Dak li qal hu li lmenta minħabba d-dewmien.”
Aktar minn sena ilu, quddiem il-Qorti tressqu numru ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta wara investigazzjoni tal-Pulizija dwar allegati irregolaritajiet fl-eżamijiet tas-sewqan.
It-Times il-Ħadd, imbagħad, irrapportat dwar ilmenti minn diversi ċittadini, b’mod partikolari dwar dewmien u dati tal-eżamijiet tas-sewqan.
Mir-rapport jirriżulta li l-ilmenti ġew minn persuni differenti u minn kull qasam tal-ħajja, fosthom anke qassisin u deputat tal-Oppożizzjoni bħal Beppe Fenech Adami.