Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, eks Viċi Kap u viċin anki tal-għaqda Repubblika hedded li l-pajjiż se jerġa’ jgħaddi minn trawma.
Huwa għamel sehem sħiħ tiegħu fi programm fuq ir-radju tal-Knisja fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, li r-rapport tagħha ddaħħal għand l-Avukat Ġenerali fis-siegħa li bdew jintlaqgħu n-nomini għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju li ġej.
Beppe Fenech Adami kien aggressiv u nfexx jgħajjat f’dibattitu mad-Deputat Laburista Alex Muscat.
Qal, “Dan il-pajjiż ħa jerġa’ jgħaddi minn trawma.”
Il-Partit Nazzjonalista qed isemmi ż-żmien tat-tmeninijiet u Fenech Adami kkonferma dan fil-programm.
Qal, “Nightmare, nightmare of the past.”
Beppe Fenech Adami żied fin-negattività tiegħu u qal li din se tibqa’ anki wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju.
Qal, “Għandna sitwazzjoni gravi ħafna u din is-sitwazzjoni mhux se tispiċċa u tintemm mal-Kunsilli Lokali u mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.”
Fl-istess programm ħarġet id-differenza, bid-Deputat Laburista Alex Muscat jitkellem dwar il-prijoritajiet li għandhom imexxu l-pajjiż ’il quddiem għal kontra ta’ Bernard Grech b’manifest li jismu inkjesta Maġisterjali.
Qal, “X’Kunsilli rridu wara t-8 ta’ Ġunju li ġej, x’lokalitajiet irridu u x’Ewropa rridu u x’tip ta’ rappreżentanti rridu. Il-Partit Laburista qed jitkellem fuq hekk fl-attivitajiet tiegħu. Fl-attivitajiet kollha qegħdin nitkellmu fuq kif nistgħu nsaħħu l-Kunsilli Lokali, x’għandu jsir fuq livell Ewropew b’manifest ċar x’inhuma l-prijoritajiet tagħna. Il-Partit Nazzjonalista prattikament jekk tara l-manifest elettorali tiegħu hija l-inkjesta.”