L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ddikjara li t-telfa elettorali li ġarrab il-partit Nazzjonalista ħaffret in-nuqqasijiet gravi li wettqu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-Gvern.
Mistoqsi waqt il-programm Dissett jekk intrefgħetx ir-responsabbiltà politika għan-nuqqas serju ta’ gvernijiet nazzjonalisti li baqgħu jirrifjuta li jdaħħlu d-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija u li kawża ta’ dan, bosta kriminali qed jispiċċaw illiberati, Fenech Adami qal li r-responsabbiltà ntrefgħet għax illum il-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-Oppożizzjoni.
B’reazzjoni, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia li kien qed jieħu sehem fl-istess programm innota d-double standards tal-Partit Nazzjonalsita.
Qal li waqt li l-Partit Nazzjonalista jsostni li r-rebħa tal-Partit Laburista ma tfissirx li nħasel kollox, l-Oppożizzjoni issa qed tiddikjara li n-nuqqasijiet li twettqu minn gvernijiet nazzjonalisti pattiet għalihom bit-telfa li ġarrbet fl-elezzjoni.
“Qalilna li l-elezzjoni taħsel kollox. Safejn naf jien, meta konna qed niddiskutu l-elezzjoni li għaddiet, diversi persuni promittenti fil-Partit Nazzjonalista qalu l-elezzjoni billi saret u ntrebħet mill-Partit Laburista ma tfissirx li nħasel kollox u llum għandna persuni li huwa prominenti fl-oppozizzjoni li jgħdilek li l-elezzjon ħaslet kollox għax jgħidelk li tefgħet lill-partit nazzjonalista fl-oppożizzjoni. Inkredibbli.”