- Konferma ta’ dak li rrapportajna sena ilu
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, applika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jissanzjona dak li għandu mingħajr jew mhux skont il-permess fir-residenza tiegħu fil-Għargħur, magħrufa wkoll bħala l-palazz ta’ Beppe.
Kien is-sena li għaddiet li f’wieħed minn sensiela ta’ rapporti b’rabta mar-residenza tiegħu, din il-gazzetta rrapportat kif kellu parti mil-iżvilupp tiegħu illegali f’żona barra mill-iżvilupp (ODZ).
Irrapportajna kif il-mod kif Fenech Adami żviluppa ż-żona lussuża u ta’ rilassament fil-ġnien tiegħu, partikolarment mad-dawra tal-pool, ma kienx skont ir-regolamenti tal-MEPA.
Id-deck area ta’ Fenech Adami taqbeż is-seba’ mitt metru kwadru. Ferm ikbar minn dak permessibbli bil-politika tal-Awtorità tal-Ippjanar, kemm dik tal-2014 u kemm dik tal-2000. Jirriżulta wkoll li Beppe Fenech Adami kien għamel dak li jissejjaħ ‘hard landscaping’ u peress li kien qed jagħmlu f’ODZ kellu bżonn permess. Speċjalment meta uża l-konkrit, xi ħaġa daqstant rakkomandata. Iżda, dan il-permess ma kellhom.
Periti li waqgħetilhom żokorthom jipproċessaw applikazzjonijiet quddiem il-bord tal-Awtorità kienu saħansitra esprimew is-sorpriża tagħhom li wara li għamel dan it-tip ta’ żvilupp Fenech Adami kien ingħata permess biex jagħmel żvilupp ieħor għax il-prassi hi li l-Awtorità ma tagħtikx permess sakemm ma tissanzjonax jew tirranġa ta’ qabel.
Fl-aħħar ġimgħat Beppe Fenech Adami prova jagħti l-impressjoni li dak kollu rrapportat dwar il-palazz tiegħu kien gidba. Iżda, aħna konna ċerti li għandu żvilupp mhux skont il-permessi u għalhekk tlabna lill-Awtorità tal-Ippjanar tispjega għaliex ma ħarġitx avviż ta’ infurzar u iktar minn hekk għaliex ma ħaditx azzjoni diretta kontra Fenech Adami.
L-Awtorità wieġbet hekk: “Nagħmlu referenza għall-mistoqsijiet li bgħattilna. L-Awtorità tista’ tikkonferma li rċeviet mingħand l-applikant u s-sid tal-post, applikazzjoni bil-proposta tkun Re-arrangement of approved landscaping at back of terraced house in line with current policies and previous permits; including removal of indicated paved areas and passages, paving of access pathway with grasscrete paving and SANCTIONING of indicated pathways, swimming pool relocation and configuration and re-location of swimming pool facilities. L-Awtorità ma ħarġitx avviż ta’ infurzar peress li s-sid tal-post daħħal applikazzjoni ta’ sanzjonar.”
Jirriżulta li din l-applikazzjoni għadha mhix fuq is-sistema pubblika tal-Awtorità anke jekk daħlet xhur ilu. “Din l-applikazzjoni għadha ma ġietx validata u għalhekk in-numru tal-PA għadu jrid jingħata,” qalilna kelliem tal-Awtorità. Minn imkejjen viċin l-Awtorità sirna nafu li l-applikazzjoni għadha mhix validata għaliex Fenech Adami, li għandu miljun ewro l-bank, qed jikkontesta l-kont li hu mitlub iħallas biex ikun jista’ jmexxi l-applikazzjoni.
Il-famuż palazz
Ir-residenza ta’ Beppe Fenech Adami kienet iddominat l-aħbarijiet meta s-sena li għaddiet kien irrapportat kif minħabba sensiela ta’ deċiżjonijiet fi żmien gvernijiet nazzjonalisti r-residenza tiegħu kibret u żdiedet fil-valur.
F’Marzu tas-sena li għaddiet, ONE NEWS irrapporta li deċiżjonijiet tal-gvern ta’ Lawrence Gonzi għamlu r-residenza ta’ Beppe Fenech Adami fil-Għargħur tiswa ferm iktar milli kien il-valur tagħha oriġinarjament.
Fl-2006 il-gvern ta’ Lawrence Gonzi, daħħal ir-residenza lussuża ta’ Beppe Fenech Adami fiż-żoni ta’ żvilupp. Fir-rapport li Fenech Adami għamel oġġezzjoni għalih fil-Qorti kien irrapportat ukoll kif fl-2007, il-MEPA applikat hi stess biex il-palazz ta’ Beppe Fenech Adami jirdoppja fil-kobor tiegħu. Dan b’żieda ta’ sulari u semi-basement.
Il-MEPA applikat ukoll fuq xi proprjetà oħra. Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, f’ittra datata 8 ta’ Ottubru 2008, kien ċaħad it-talbiet tal-MEPA għax qal li dawn imorru kontra id-deċiżjoni tal-Gvern. Però mhux hekk għamel għal Beppe Fenech Adami. Fil-każ ta’ Beppe Fenech Adami, it-talba tiegħu kienet aċċettata.
Fit-13 ta’ Ottubru 2008, Lawrence Gonzi kiteb uffiċjalment biex jikkonferma din id-deċiżjoni. Qabel din l-approvazzjoni, Beppe Fenech Adami kien diġà applika biex jagħmel ix-xogħol. Imbagħad, ġimagħtejn wara l-ittra ta’ Gonzi, l-MEPA tat il-permess aħħari.
Nota Editorjali: Fenech Adami kien għamel libell li riċentament rebħu wara li ma ressaqtx u ma spjegajtx fil-Qorti l-provi li ppubblikajna fis-servizzi tagħna. Però, minkejja dan, ċerti fatti ppubblikati f’sensiela ta’ artikli ma jista’ jiċħadhom qatt. Fenech Adami rebaħ libell fuq servizz wieħed biss li xandar f’One News u għal din is-sentenza issa daħal appell.