Hu ironiku kif Beppe Fenech Adami indirizza konferenza tal-aħbarijiet biex jattakka promozzjonijiet li saru fl-Armata sitt snin ilu. Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li kien ikun aħjar kieku Beppe Fenech Adami skuża ruħu talli ma daħħalx id-dritt ta’ sħubija f’Unions lill-korpi dixxiplinati kollha meta kien defacto Ministru tal-Intern.
Kien ikun aħjar li kieku Beppe Fenech Adami spjega għala meta kien defacto Ministru tal-Intern, ma ħallasx l-over-time dovut lill-pulizija u kellu jkun dan il-Gvern biex jagħmel ġustizja mal-Pulizija Kien ikun aħjar li kieku Beppe Fenech Adami jispjega x’għamel hu meta kien responsabbli mill-Armata u kellu akkumulati 288 ilment fuq promozzjonijiet.
Dan il-Gvern kellu jindirizza dawn l-inġustizzji li saru taħt amministrazzjonijiet preċedenti permezz ta’ ħatra ta’ Bord ta’ Inġustizzji. B’rabta mar-rapport tal-Ombudsman, il-Ministeru tal-Intern diġà ta reazzjoni tiegħu li kienet inkluża fir-rapport innifsu u qed janaliżża l-kontenut tar-rapport kollu tal-PN. Li żgur ma jagħmilx il-Gvern hu li jattakka l-istituzzjonijiet, inkluż lill-istess Uffiċju tal-Ombudmsan li lura fl-2003 kien qal ċar u tond li s-sistema ta’ promozzjonijiet taħt il-Partit Nazzjonalista ma kinitx ġusta u tagħti lok għal nuqqas ta fiduċja fl-Armata. Dakinhar l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien qal li l-Ombudsman mhuwiex ġust arroganti u politiku.
Il-Partit Nazzjonalista tilef kull kredibilità meta juża l-istess kantaliena u jattakka l-istituzzjonijiet b’xi mod jew ieħor. Dan mhux jgħidu l-Partit Laburista , iżda membri tal-PN stess. Kif ukoll l-Eurobarometer li joħroġ li 77% tal-Maltin għandhom fiduċja fl-Armata.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ kommess biex il-membri tal-Korpi Dixxiplinati jibqgħu jiġu rispettati kif jixirqilhom mhux bil-kliem, iżda bil-fatti.