Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ġie kkonfermat bħala l-mexxej tal-Likud wara li rebaħ kważi tliet kwarti tal-vot.
Huwa ġab 72.5% tal-voti mixħuta f’elezzjoni interna wara li ġie sfidat minn Gideon Saar.
Dan tal-aħħar ammetta t-telfa u qal li huwa se jkun leali lejn Netanyahu, f’elezzjoni ġenerali fil-pajjiż, f’Marzu li ġej.
Żewġ elezzjonijiet ġenerali li saru din is-sena ma ħallew l-ebda partit f’pożizzjoni li jifforma Gvern.
Netanyahu jinsab akkużat b’korruzzjoni.
F’reazzjoni li ta wara li ħareġ ir-riżultat, il-Prim Ministru Iżraeljan irringrazzja lil membri tal-Likud u qal li jinsab kunfidenti li jmexxi l-partit għal rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.