B’investiment ta’ €8 miljun, se titwettaq miżura oħra mill-baġit għal din is-sena. Dan hekk kif tħabbret żieda fis-sussidju tal-iskema Carer at Home, li issa se jitla’ minn €8,000 għal €8,500 fis-sena għal dawk li jimpjegaw carer full-time. Żieda ta’ €500 addizzjonali.
Din iż-żieda tibni fuq dik tas-sena l-oħra, meta s-sussidju kien diġà żdied b’€1,000 minn €7,000 għal €8,000.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea.
L-iskema Carer at Home tagħti s-sussidju finanzjarju lil madwar elf u mitt anzjan u anzjana li jimpjegaw carers għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Minbarra hekk, tippermetti aktar flessibilità għal dawk li jimpjegaw carers part-time, peress li s-sussidji jiġu aġġustati pro-rata, skont in-numru ta’ sigħat tax-xogħol.
Is-sussidju jingħata b’mod dirett lill-benefiċċjarji, li jirċievu l-għajnuna fil-kontijiet bankarji tagħhom kull xahar, minn meta l-applikazzjoni tagħhom tiġi approvata.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea saħaq li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-servizzi li jgħinu lill-anzjani jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità tagħhom, waqt li tippermettilhom jibqgħu fil-kumdità u l-familjarità ta’ djarhom, b’serħan tal-moħħ għal qrabathom taħt il-ħarsien ta’ persuni mħarrġin u kkwalifikati.
“Għalkemm l-anzjani tagħna qed tiżdidilhom il-pensjoni, sena wara sena, għandhom flus li qed jibqgħu fil-bwiet tagħhom. Ħames mitt ewro kull xahar li jibqgħu fil-but tal-anzjani. L-anzjani tagħna mhux biss qed inżidulhom ukoll il-pensjonijiet, imma nagħtuhom fuq tletin servizz.”
Segretarju Parlamentari, Malcolm Paul Agius Galea
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega kif, mill-2016, l-iskema Carer at Home għenet aktar minn 2,000 anzjan jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fid-djar tagħhom.
“Wieħed irid jagħmel applikazzjoni li jimliha t-tabib, tiġi approvata, nagħmlu l-assessjar tagħna u, fi ftit ġranet, wieħed jirċievi l-approval biex ikun jista’ jingaġġa l-carer.”
Kap Eżekuttiv, Renzo Degabriele
B’din iż-żieda fis-sussidju u l-allokazzjoni baġitarja rekord, l-iskema tal-Carer at Home tkompli tkun pilastru ewlieni tal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jgħin lill-anzjani jgħixu ħajja indipendenti u attiva fil-komunità tagħhom.