Giovanni Farrugia, ta’ erbgħa u ħamsin sena mill-Belt, ġie kkundannt ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ qtil f’Lulju ta’ ħames snin ilu.
L-inkwiet beda meta żviluppa argument bejn erba’ żgħażagħ – tliet ġuvintur u tfajla – u l-akkużat fi Triq l-Assedju l-Kbir fil-Belt. Iż-żgħażagħ kienu għadhom kemm ħarġu minn stabbiliment fl-istess triq.
Fil-qorti ngħad li Giovanni Farrugia ta daqqa ta’ mus f’nofs dahar Adam Cini ta’ 24 sena minn Marsaxlokk. Għal xi ħin Cini kien fil-periklu li jitlef ħajtu. Dan seħħ wara argument li nqala’ bejn Farrugia, imlaqqam “ix-Xadin”, u l-erba’ żgħażagħ dwar il-mutur tal-akkużat.
F’sentenza ta’ tmienja u ħamsin paġna, il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qalet li dan l-inċident seta’ jiġi evitat b’mod faċli u bi ftit sens komun.
Il-qorti qalet li kien l-akkużat li beda l-argument wara li ħassu urtat mill-fatt li ż-żgħażagħ bdew iħarsulu lejn il-mutur. Dan b’suspett bla bażi li kienu se jagħmlulu ħsara fil-vettura.
Il-Qorti żiedet tgħid li anke meta persuna tiġi pprovokata qatt m’għandha tirreaġixxi bi vjolenza.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti kkundannat lil Farrugia ħames snin ħabs u mmultatu mija u sittax-il ewro. Huwa ġie ordnat iħallas ukoll aktar minn ħamest elef ewro fi spejjeż tal-qorti. Il-qorti ordnat ukoll lill-akkużati ma jersaq lejn il-vittmi għal perjodu ta’ tliet snin mindu jiskonta s-sentenza.