It-Tnejn filgħaxija, il-Belt Valletta mmarkat il-bidu għall-istaġun tal-Milied. Permezz ta’ buttuna nxtegħlet il-Belt kapitali bi dwal ikkuluriti tal-Milied.
B’kollox inxtegħlu ħames toroq hekk kif is-sena żdiedu Triq in-Nofsinhar u Triq l-Arċisqof.
Waqt konferenza stampa fi Triq ir-Repubblika, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta spjega li l-Belt Valletta ser ikollha programm kulturali mimli hekk kif ser tittella’ attività kuljum.
L-attivitajiet ser ivarjaw b’teatru tat-triq, korijiet u mużika.
Il-qofol ta’ dan il-programm ser jintlaħaq lejlet l-ewwel tas-sena. Liema attività ser jattendi għaliha l-artist ta’ fama internazzjonali, John Newman.
Il-Ministru għall-Kultura u Wirt Nazzjonali Josè Herrera spjega li dan it-tiżjin id f’id mal-programm kulturali mistenni jattira l-għajn ta’ bosta. Huwa ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin sabiex iżuru l-belt kapitali u jgawdi l-ġmiel li se jsawwarha f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2021/11/22192325/5937702d-f831-41a2-a4ff-82e459cffe3f.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2021/11/22192333/deb66991-a1ee-49fe-8473-4a349b6f5720.jpg)