Fadal biss ftit ġimgħat biex jingħata bidu għall-ewwel festival tal-komunità bl-isem ta’ Belt il-Beltin, li se jittella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fit-28 u d-29 ta’ Marzu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tal-Belt Valletta.
Dan il-festival huwa ispirat mill-ftuħ uffiċjali ta’ Valletta 2018, u l-iskop tiegħu hu li jkompli jsaħħaħ il-wirt kulturali Belti u jiċċelebra dak kollu li jagħmel lill-Beltin, Beltin. Għal dan il-festival, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed taħdem mill-qrib ma’ bosta komunitajiet u għaqdiet Beltin fosthom għaqdiet tal-festi, baned, parroċċi u għaqdiet tal-isport, li ngħaqdu flimkien biex joħolqu diversi attivitajiet, li se jitgawdew kemm mill-Beltin infushom kif ukoll mill-membri tal-pubbliku ġenerali li jżuru l-Belt.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Josè Herrera qal li Belt il-Beltin huwa festival li se jiġbor diversi komunitajiet Beltin kollha flimkien f’atmosfera ta’ divertiment u spirtu ta’ għaqda. Permezz ta’ dan il-festival, l-okkażjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tal-Belt se tingħata bixra differenti u se nkomplu nżidu mal-attivitajiet li diġ jsiru -soltu f’dan il-jum, biex b’hekk inkomplu nħallu legat ġewwa l-Belt Kapitali għall-komunitajiet tal-preżent u dawk tal-futur.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li Belt il-Beltin huwa proġett ieħor ta’ legat ta’ Valletta 2018 li jiċċelebra l-impenn u t-talenti tal-għaqdiet Beltin fil-komunità Beltija.
Belt il-Beltin, li huwa kkurat minn Victor Jacono, se jkun mifrux fuq jumejn. Il-jum tas-Sibt se jkun ikkaratterizzat mill-Olimpjadi tal-Beltin – serje ta’ logħob divertenti fi Pjazza San Ġorġ bejn nofsinhar u l-17:00. Kemm is-Sibt kif ukoll matul il-ġurnata tal-Ħadd se jkun hemm numru ta’ żjarat kulturali għall-pubbliku ġewwa l-binjiet / sedi tal-għaqdiet Beltin li qed jipparteċipaw.
Il-logħob se jinkludi logħba futbol bil-maskeruni, fejn il-parteċipanti jridu jixħtu ballun kbir fil-lasta tat-tim oppost waqt li libsin maskerun u jiskurjaw l-iżjed gowls għat-tim tagħhom. Se jkun hemm ukoll logħba li tinvolvi l-armar ta’ trofew tal-festa mill-parteċipanti, bit-tim rebbieħ ikun dak li jirnexxielu jlesti fl-inqas ħin. Għat-tielet logħba, il-parteċipanti jridu jgħaqqdu puzzle fl-inqas ħin possibbli minn ritratti ta’ qaddisin stampati, li se jkunu maqtugħin f’diversi biċċiet, filwaqt li għar-raba’ logħba, il-parteċipanti se jkunu qed jikkompetu billi jieklu ikla ravjul kompluta bid-deżerta u l-inbid. Min jirnexxielu jiekol dan kollu fl-inqas ħin se jkun inkurunat rebbieħ. L-aħħar logħba se toffri sfida għall-parteċipanti, hekk kif se jkollhom isolvu Ħaġa Moħġaġa marbuta ma’ post fuq il-mappa tal-Belt.
Diversi għaqdiet Beltin se jkunu qed jiftħu l-binjiet / sedi tagħhom għall-pubbliku, biex in-nies ikunu jistgħu jsiru jafuhom aħjar. Dawn jinkludu l-Għaqda tal-Pawlini, l-Għaqda Festi Esterni San Duminku, Rovers United (Valletta) YC, Valletta FC Youth Nursery, Valletta Stars St. Dominic’s AFC, Soċjetà Filarmonika King’s Own u Soċjetà Filarmonica La Valette.
Il-festival Belt il-Beltin, li qed jittella’ f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, se jseħħ proprju fl-anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta. Għalhekk, apparti d-diversi attivitajiet li jagħmlu parti minn dan il-festival, hemm imħejji wkoll programm varjat ta’ attivitajiet mill-Kunsill Lokali tal-Belt. Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit ħabbar dawn l-attivitajiet li jinkludu quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, segwita minn tqegħid ta’ fjuri fuq il-lapida li tfakkar l-ewwel ġebla tal-Belt u l-għoti ta’ Ġieħ il-Belt Valletta ġewwa l-Kunsill Lokali. Jattendi għal din l-okkażjoni l-Eċċellenza Tiegħu, il-President tar-Repubblika ta’ Malta, Dr George Vella mas-Sinjura Tiegħu. Se jkun hemm ukoll spettaklu mużikali minn Tikka Banda u wirja ta’ karozzi klassiċi fit-Triq ir-Repubblika, marċ fit-toroq prinċipali mill-baned tal-Belt Valletta Società Filarmonica Nazionale La Valette u Soċjetà Filarmonika King’s Own kif ukoll kunċert minn Spiteri Lucas Band u kantanti Beltin fi Pjazza Teatru Rjal bl-isem ta’ ‘Belt tal-Maltin’.
Belt il-Beltin inħoloq bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li tnieda aktar kmieni din is-sena, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.