Bella, il-kelba li nġiebet Malta minn fuq l-MV Aquarius, tinsab f’kundizzjoni tajba, u qabdet it-triq tagħha biex tħalli warajha t-trawma ta’ jiem twal bejn sema u ilma.
Fiċ-ċentru tal-kwaratina f’Ħal Farruġ sibna lil Bella, fuq saqajha, bil-pil nadif, u b’kurżità biex tesplora l-madwar tagħha.
Dr Sabrina Bonnici, veterinarja, spjegatilna li l-avventura kerha li għaddiet minnha Bella, affettwatha, imma f’inqas minn ġurnata diġà tilfet ħafna mill-istress u l-biża’ li kellha.
Bonnici spjegat li “Għadha mhix tiekol, u naħseb qed timmissja l-owner tagħha għax kull min jidħol tħares biex tara forsi tarax lil xi hadd li taf.”
Mal-wasla tagħha f’Malta, Bella inġiebet hawn u sarulha l-ewwel testijiet.Spjegat “Għamilnilha l-ewwel health check u mbad ħallejniha tistrieħ naqra. Illum inkomplu bl-affarijiet li hemm bożnn, biex jekk tiġi rrilokata mas-sid tagħha fil-pajjiż fejn se jiġi milqugħ, tmur miegħu.”
Jidher propju li sid il-kelba huwa wieħed mill-immigranti li kien fuq id-dgħajsa, li minkejja l-ħarba tiegħu, ma setax iħalli lill-għażiża Bella warajh.
Fil-fatt, mhuwiex eskluż li saħansitra ħallas il-flus biex Bella tagħmel dan il-vjaġġ miegħu.
Dr Bonnici spjegatilna li l-proċess ta’ kwarantina f’dan il-każ huwa twil, għax il-kelba mhix ġejja minn pajjiż fl-Unjoni Ewropea, ma kellhiex microchip, u lanqas dokumenti.
Għaldaqstant tul il-jum tat-Tnejn kellha tingħata t-tilqima kontra r-rabja, u ssirilha l-microchip. Biex imbagħad il-futur tagħha jiddependi skont x’se jsir minnha.
Intqal kif “Jekk se tibqa’ eventwalment hawn Malta, xahar ieħor noħdulha t-test tad-demm biex naraw li kollox qiegħed sew, u mbad minn hemmhekk suppost jibda l-proċess ta’ kwarantina li jdum 3 xhur, imma jekk jgħidulna li l-kelba se titlaq mas-sid, imbagħad nitkellmu mal-counterparts tagħna fil-pajjiż fejn se jiġu milqugħin, u naraw jaċċettawhiex hemm.”
Biex ix-xewqa issa hi li sid il-kelba jkun jista’ jittieħed biex jiltaqa’ ma’ Bella, sabiex tkun tista’ tagħmel il-qalb, u tirpilja għalkollox.