Il-ħolqien tal-opportunitajiet, l-għajnuna u l-investiment fin-nies, u aktar riformi li bihom jissaħħu d-drittijiet – fosthom tal-ħaddiema – jibqgħu tliet prinċipji li se jibqgħu jitħaddnu f’ħidmet il-Gvern.
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-General Workers’ Union.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna jrid jibqa’ joħloq l-opportunitajiet li jgawdu minnhom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Qal li b’ekonomija dinamika li tkompli tikber nistgħu nibqgħu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u nkomplu nimbuttaw il-mobbiltà soċjali.
Dan filwaqt li dan kollu jibqa’ akkumpanjat minn appoġġ sħiħ lill-ħaddiema fosthom b’deċiżjonijiet strateġiċi li qed jieħu l-Gvern bl-għajnuna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-investiment fin-nies irid jibqa’ marbut ma’ ħidma oħra li tgħin fid-dħul tal-ħaddiema. Hawn irrefera għal bosta miżuri mwettqa u msaħħa fosthom l-in-work benefit, li permezz mhux biss tat-twessigħ tiegħu iżda saħansitra żieda, ra mal-ħames darbiet aktar ħaddiema jgawdu mid-dħul tagħhom. Dan imqabbel ma’ ftit tas-snin ilu.
Intant, dwar il-ġustizzja soċjali u dik fis-settur tax-xogħol il-Prim Ministru rrimarka għal aktar bidliet u riformi li qed jitwettqu biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.
Hawn semma t-tisħiħ fil-leave tal-ġenituri u tal-carers’, ir-riforma tal-platform workers u t-twaqqif tal-Low Wage Commission, li l-għan tagħha hu li tagħmel reviżjoni tal-paga minima nazzjonali.
Qabel l-indirizz fil-Kunsill, li għalih attendew ukoll il-Ministri Silvio Schembri u Miriam Dalli, il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija tal-GWU u s-Segretarji ta’ taqsimiet rispettivi.
Intant, f’indirizz qabel il-Prim Ministru, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja saħaq fuq l-importanza ta’ aktar taħriġ edukattiv għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dan anke fid-dawl ta’ opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu minn dawn l-opportunitajiet.