Wara li l-Ħadd filgħaxija ħareġ ir-riżultat uffiċjali tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn għal darb’oħra kien il-Partit Laburista li rebaħ il-maġġoranza għall-ħames darba f’daqstant elezzjonijiet, issa l-attenzjoni terġa’ ddur fuq is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar biex ikunu magħrufin ir-riżultati fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li għalihom il-poplu wkoll ivvota nhar is-Sibt.
B’turnout ta’ disgħa u ħamsin fil-mija, li hu ftit iżgħar minn dak ta’ ħames snin ilu, tmienja u sittin lokalità f’Malta u Għawdex se jkunu jafu min se jkunu l-kandidati rappreżentanti tal-lokalitajiet rispettivi u amministraturi fil-kunsilli għall-ħames snin li ġejjin.
Dan il-proċess se jkun mifrux fuq tlett ijiem, bi tliet gruppi ta’ kunsilli li l-għadd tagħhom isir fi ġranet separati.
L-Erbgħa li ġej, 12 ta’ Ġunju, se naraw l-ewwel 23 lokalità li jinfetħulhom il-kaxxi għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, biex, imbagħad, għall-ħabta tal-erbgħa jibda l-proċess tal-għadd, li għal bosta lokalitajiet ifisser biss ftit ħin. Il-proċess jiġi ripetut il-Ħamis għal 22 lokalità oħra u l-Ġimgħa fejn isir il-proċess ta’ 23 lokalità.
L-għadd tal-voti fil-jum tal-Erbgħa se jkun għall-kunsilli;
Birżebbuġa, San Ġiljan, Ħal Tarxien, l-Iklin,
iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Santa Venera,
Għajnsielem, il-Mellieħa, Pembroke, iż-Żejtun, l-Imqabba,
il-Qrendi, il-Belt Valletta, Ħaż-Żebbuġ, in-Nadur, il-Marsa,
il-Fontana, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, l-Għasri u x-Xewkija.
Il-lokalitajiet li l-Ħamis se jkun qed isir l-għadd tagħhom huma;
Il-Fgura, Marsaskala, Sliema, Rabat (Malta),
Birkirkara, Lija, Rabat (Għawdex), Marsaxlokk, Msida,
Kalkara, Żabbar, San Ġwann, Mġarr, Paola, Mdina,
Gudja, Għaxaq, Għarb, Bormla, Xagħra, Sannat u Tal-Pietà.
Il-Ġimgħa, imbagħad, se jkun qed jingħaddu l-voti ta’ dawn il-lokalitajiet;
Is-Swieqi, Ħ’Attard, Ħal Qormi, in-Naxxar, il-Mosta,
il-Floriana, Ħal Luqa, l-Isla, il-Ħamrun, Ħal Għargħur,
il-Gżira, Ħal Kirkop, is-Siġġiewi, Santa Luċija, l-Imtarfa,
San Lawrenz, ix-Xgħajra, Ħal Safi, il-Munxar, il-Birgu,
il-Qala, Ta’ Kerċem u ż-Żebbuġ (Għawdex).