‘Bejn l-Erba’ Ħitan tal-Partit Laburista (1928-1944)’ hu ktieb ġdid tal-SKS b’aktar minn mitejn u tmenin paġna u l-minuti tal-Eżekuttiv Laburista ta’ iżjed minn tmenin sena ilu.
Din il-pubblikazzjoni interessanti se tiġi ppubblikata waqt il-festa tal-Ewwel ta’ Mejju organizzata mill-Partit Laburista fil-Belt Valletta.
Il-ktieb jittratta l-perjodu fuq 17-il sena li, matulhom, żgħażagħ li ħolmu b’soċjetà ġusta ssieħbu fil-Partit Laburista li beda jifrex malajr l-għeruq fl-ibliet u l-irħula f’pajjiżna.
Kienu żminijiet iebsa għall-Partit Laburista, inkluż fejn żgħażagħ fi ħdanu ntbagħtu l-ħabs, għax fi djarhom sabulhom dik deskritta bħala “letteratura sedizzjuża”.
Il-Partit Laburista sofra persekuzzjoni politika, reliġjuża u soċjali intenzjonata biex jisparixxi darba għal dejjem miċ-ċirkolazzjoni.
Francis Galea, l-editur tal-ktieb, jippreżenta sfond storiku tal-laqgħat dawk iż-żminijiet, b’ħarsa estensiva wkoll lejn l-ewwel kuntratt li permezz tiegħu twaqqaf il-Partit Laburista t-Tlieta 12 ta’ Ottubru tal-1920.
L-ewwel firmatarja f’dan il-kuntratt tidher is-Sinjura Carmela Bencini, omm it-tewmin Ġanni u Robert, żewġ fundaturi tal-Partit Laburista. Fi żmien meta n-nisa ma setgħux jivvotaw, kienet mara determinata, li laqqgħet fid-dar tagħha għadd ta’ ħassieba rġiel biex jiddiskutu t-twaqqif tal-Partit Laburista.
Il-ktieb jinbiegħ għal €20 mill-ħwienet tal-kotba, iżda se jkun bil-prezz speċjali ta’ €10 fl-istand tal-SKS fl-Ewwel ta’ Mejju fil-Belt Valletta.