In-nefqa rikorrenti tal-Gvern fil-qasam tas-Saħħa żdiedet bi kważi żewġ terzi ta’ biljun ewro kemm ilu li tela’ Gvern Laburista. Dan ħareġ waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tas-settur tas-Saħħa, li fiha ħadu sehem numru ta’ deputati Laburisti.
Id-deputat Michael Farrugia rrimarka dwar id-differenza bejn budgets taħt gvern Nazzjonalista u dawk taħt gvern Laburista. Huwa qal li n-numri jitkellmu għalihom, hekk kif in-nefqa fuq is-saħħa għal din is-sena tisboq sew id-disa’ mitt miljun ewro.
Huwa qal, “In-nefqa rikorrenti se tkun ta’ aktar minn €930 miljun: tliet darbiet aktar mill-2012”
Id-deputat Romilda Baldacchino Zarb innutat li din in-nefqa u x-xogħol tal-gvern fis-settur tas-saħħa huma xhieda ta’ Gvern li jitfa’ lill-pazjent fiċ-ċentru tal-politika tas-saħħa tiegħu. Dan minkejja kull sfida li tinqala’ kull sena.
Qalet, “Sena wara l-oħra, minkejja l-isfidi kontinwi u minkejja r-realtajiet li naffaċċjaw minn żmien għall-ieħor, xorta waħda s-settur tas-saħħa jibqa’ jkollu l-investiment li jeħtieġ”
Min-naħa tagħha, id-deputata Katya de Giovanni tkellmet dwar uħud mis-servizzi li daħħal gvern Laburista permezz ta’ din in-nefqa. Fosthom hemm ċentru tat-telemediċina, li fil-ftit żmien li ilu mwaqqaf, jidher biċ-ċar li kien wieħed li ta servizz lil ħafna.
Hija nnutat, “Dan iċ-ċentru nfetaħ fl-2020 u sal-lum iġġestixxa aktar minn wieħed punt tnejn miljun telefonata.”
Id-deputat Deo Debattista stqarr li l-Budget, li ġie deskritt bħala more of the same minn Bernard Grech, imnalla huwa hekk. Dan għax il-miżuri tal-Gvern, b’kuntrast ma’ dawk proposti mill-Partit Nazzjonalista, huma kollha kemm huma costed.
Huwa stqarr, “Dawn l-affarjiet kollha li qed jintroduċi dan il-Gvern mhux biss jiġu costed, iżda huma spiża rikurrenti, jiġifieri mhux darba tajt ir-Rivaroxaban u daqshekk, iżda tkompli tingħata r-Rivaroxaban, il-mediċina tal-osteoporożi, il-mediċini tal-Fibromajalġja, barra li hemm l-oħrajn.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Malcolm Paul Agius tkellem dwar l-importanza li l-gvern ikompli għaddej bit-tkabbir ekonomiku tiegħu, hekk kif huwa minħabba dan it-tkabbir, li s-servizzi tas-saħħa jistgħu ikomplu jitjiebu.
Tenna, “Kellna min ipprova jbiegħed l-ekonomija minn mas-saħħa, u dak kien żball kbir u se nitkellmu għalfejn kien żball kbir. Kien żball kbir għar-raġuni li f’Budget bħalma għadna kif rajna, ma tkunx tista’ żżid ma’ diġà budget qawwi ħafna, ta’ aktar minn disa’ mitt miljun, f’sena terġa’ żżid l-allokazzjoni bi tletin miljun oħra.”