Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-investiment tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali kien ta’ kważi €400 miljun. B’dan kien l-akbar investiment li qatt ġie rreġistrat fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, fejn intqal li ż-żieda fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra kienet ta’ madwar €40 miljun.
Il-Ministru Falzon qal li dawn iċ-ċifri huma dawk uffiċjali, li joħorġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li l-akbar qabża kienet fil-ħlas ta’ benefiċċji kontributorji, li żdiedu bi ftit inqas minn €30 miljun, għal aktar minn €317-il miljun.
Musù spjega li dan l-akbar investiment hu attribwit għall-pensjoni tal-irtirar, hekk kif ġew irreġistrati żidiet ta’ kważi €20 miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra, b’fatturi ewlieni wkoll għal dan tkun iż-żieda tal-COLA.
Jirriżulta li, b’kollox, gawdew aktar minn 97,000 persuna.
Dan filwaqt li l-benefiċċji mhux kontributorji telgħu għal aktar minn €80 miljun, b’żieda ta’ madwar €8 miljun fuq is-sena l-oħra.
L-akbar fatturi, li wasslu għal dawn iż-żidiet, kienu ż-żidiet fiċ-Children’s Allowance, l-In-Work Benefit, iż-żieda fil-Carer’s Grant. Minn dawn gawdew aktar minn 127,000 persuna.
“Ovvjament qed nitkellmu fuq titjib li qed isir fiċ-children’s allowance, fl-in work benefit u fil-benefiċċju addizzjonali tal-għoli tal-ħajja, dawk huma t-tlieta ewlenin li jikkontribwixxu għal dik iż-żieda u mbagħad ikollok ukoll titjib ieħor bħal carers’ grant u benefiċċji oħrajn, li wkoll iwassal għal dik iż-żieda.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù
Il-Ministru Falzon qal li, fl-aħħar snin, l-investiment tal-Gvern żdied sew, waqt li, f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali, għen lill-poplu u mhux ħaddan politika ta’ awsterità, kif anke għamlu pajjiżi oħrajn fl-aħħar snin.
“Kull amministrazzjoni Laburista ta’ kull żmien dejjem kellha impenn soċjali b’saħħtu. Hawnhekk qed naraw li fuq is-sena li għaddiet biss qed naraw żieda ta’ aktar minn 10%, f’dik li hija n-nefqa soċjali. Sew f’dawk li huma benefiċċji kontributorji, kif ukoll dawk il-benefiċċji li mhumiex kontributorji. Joħroġ ċar ukoll li meta n-nies b’diffikulta, dan huwa Gvern li sejkun hemm magħhom u għalhekk wieħed jara li ż-żidiet tul dawn l-aħħar snin kienu aktar b’saħħithom, kuntrarju għal dak li kienu jagħmlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, meta jinqala l-maltemp iwaddbu n-nies il-baħar.”
Il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru sostna li dawn iċ-ċifri huma aħbarijiet pożittivi u, fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, diġà twettqu aktar minn 85% tal-miżuri soċjali, li tħabbru fil-baġit għal din is-sena.