Bejn l-ewwel kwart ta’ din is-sena u l-aħħar kwart tas-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kibret b’1.9%.
Dan għal kuntrarju tal-medja taż-Żona Ewro, fejn l-ekonomija ċkienet b’0.3%, li jfisser li l-ekonomija Maltija kibret aktar minn sitt darbiet mill-medja fiż-Żona Ewro.
Dan skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Il-Ġermanja, il-pajjiż meqjus bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, bejn l-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra u l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-ekonomija ċkienet b’1.8%.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota din l-istatistika u saħaq li jekk nibqgħu naħdmu flimkien, nistgħu nibnu prosperità ġdida.
Dan il-fatt dwar l-ekonomija Malta ħareġ ftit jiem wara li l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch, reġgħet ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi tbassir stabbli għal Malta.
L-esperti ta’ Fitch, li huma magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd kkonfermaw li huma qed jistennew li s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tkompli tikber iktar minn dak previst.
Fil-fatt jgħidu li għas-sena d-dieħla qed jistmgħu tkabbir ta’ 6% wara li l-istima oriġinali kienet ta’ 3.9%.
Saħansitra jsemmu li t-tkabbir tal-prodott domestiku gross, jiġifieri l-ekonomija, għal din is-sena għandu jlaħħaq 4.7%, ferm aktar minn dak stmat mill-programm ta’ stabilità għal Malta, li joħroġ mill-Ministeru għall-Finanzi.