Kollox jinsab lest biex il-Ħadd li ġej, mis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, jibda l-għadd tal-voti tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej. Din se tkun l-ewwel elezzjoni fl-istorja ta’ Malta fejn il-proċess tal-għadd tal-voti se jsir b’mod elettroniku, tant, li bejn it-8:00 u d-9:30 tal-Ħadd filgħodu, il-partiti jkollhom ħjiel ta’ fejn marret l-elezzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat il-proċess li bih se jingħaddu l-voti, il-Kummissarju Elettorali Joseph Church spjega li l-kaxxi bil-voti se jaslu kollha n-Naxxar wara l-għaxra tas-Sibt billejl u jinfetħu mal-ewwel, biex mas-sebgħa tal-Ħadd filgħodu, jibda l-ewwel għadd.
Hawnhekk, l-assistenti juru kull vot lill-aġenti tal-Partiti qabel dan ikun skenjat b’mod elettroniku. Il-voti jinġabru f’kaxxi skont jekk ikunux validi jew invalidi. Kull vot li jgħaddi mis-sistema se jintwera fuq wieħed mit-78 monitor li hemm installat fis-sala, u minn hawnhekk il-kandidati għandhom erba’ sigħat ċans biex jilmentaw mal-Kummissjoni jew jitolbu li jerġa’ jingħadd vot partikolari.
Fit-tieni jew it-tielet siegħa tal-għadd, il-partiti politiċi se jkollhom ħjiel tajjeb tar-riżultat, iżda l-Kummissjoni mhux se tippubblika l-ismijiet tas-sitt MEPs eletti qabel il-11:00pm minħabba struzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea.
Minkejja dan, il-proċess sħiħ tal-għadd tal-voti għall-Parlament Ewropew kapaċi jonqos sa erbat ijiem. “Qabel konna nistennew erbat ijiem sħaħ biex intellgħu sitt kandidati. Imma ħadna passi biex dan kollu ma jirrepetix ruħu u ħdimna għal sistema mgħaġġla u korretta bħala riżultati u figuri. Il-ħsieb hu li dakinhar stess noħorġu bir-riżultat finali”, spjega l-Kummissarju Elettorali, Joseph Church.
Dan ifisser li sal-11:00 tal-Ħadd filgħaxija, Malta jkollha sitt Membri Parlamentari Ewropej ġodda kkonfermati. Intant, l-għadd tal-voti tal-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali se jkun imqassam bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla, mis-sagħtejn ta’ waranofsinhar. “Kollox mexa kif ippjanat, kien hemm xi intoppi żgħar ħafna li malajr morna nirranġawhom, iżda issues kbar ma kienx hemm u kuntenti bl-andamenti ta’ dawn l-elezzjonijiet anke s’issa.
Intant ċifri pprovduti mill-kummissjoni elettorali juru li 361,283 persuna huma eliġibbli biex jivvotaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u kważi 423,006 huma eliġibbli jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li għall-ewwel darba se jsiru ma’ malta u għawdex kollu.
Il-Kummissjoni żiedet tgħid li sal-Erbgħa, kważi 43,000 persuna kienu għadhom ma ġabrux il-vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u 97,000 ma ġabrux il-vot għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kull votant għandu ċans sal-Ħamis f’nofsillejl biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu b’mod personali, billi jippreżenta l-karta tal-identità fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.