“Qqqmmm!” “Madonna!”
Dan kien il-ħoss li spara minn fommi jien u ndur il-kantuniera għall-blokk fejn noqgħod, fl-istess ħin li ħrigt idejja biex nilqa’ forza ta’ bawżer tal-ilma li daħal ġo fija.
“Ara fejn int miexi ħi, qattus ommok! U neħħi dal-qaħbeċ gażżetti minn ġo wiċċi, muntun!”
Ma kienx hemm għalfejn nara ma x’hiex ħbatt. Leħinha kien biżżejjed. Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel.
“Skużani”, ażżardajt jien qisni ħaruf sejjer għall-qatla!
“Ara mela int, dan?”
Għamilt pass lura, għax kelli wiċċi mal-gażżetti li kienu ma’ wiċċ Ċensina, idi l-oħra mqabbda ma’ spallitha, l-qoffa li kellha f’ida b’ħobża tas-salib titbandal fiha mdaħħla f’ta’ wara l-kużakk, kollox mgħaffeġ u jibki, u konna too close for comfort, kif jgħid l-Ingliż.
Kif ġejna f’tagħna, tagħtni ħarsa minn dawk ala Ċensina.
“Gustuż e!”
“U ta’ tmintax aktar kont, Ċensina”, għitilha jien u nitbissem.
“U aqtagħha purċinell. Ma jmissekx tistħi, ilek mir-rebħa tal-erbgħin elf taħrabni ta! U ara ma tgħidx li mhux vera għax intemmalhek dil-ħobża.”
Qatli hi u tipponta d-difer tawwali miksi aħmar b’boċċi bojod ta’ sebgħajha l-werrej t’idha x-xellugija lejn il-ħobża. “U niftaħlek moħħok salib akbar is-salib imqarqaċ ta’ fuq il-ħobża.”
Ġijżis!
“U żgur li tibqa’ skantat, Ajtjen, u ara ma tgħidx mod ieħor għax jekk taħseb li m’għandix għajnejja f’wiċċi, hemm qegħdin ta! Narak tħares ‘l hinn u ‘l hawn int u ħiereġ mill-bieb ta, biex tiskapulani!”
“U leeeee … “
Maċ-caħda tiegħi Ċensina reġgħet ippuntat subajha lejn is-salib tal-ħobża u fetħet par għajnejn daqs ta’ kokka, filwaqt li rasset xuftejha kulur ħamrani jiżboq lil dak ta’ dufrejha.
Ok, ok. Mela Ajtjen … emm … Etienne … trid tara kif il-ustreċ se toħroġ minnha din, għadda malajr il-ħsieb f’moħħi. Għax ngħiduha kif inhi, vera kont qed naħrabha. Imma tagħtuni tort? Taf int, kultant wara jum twil xogħol kull ma jkollok aptit tagħmel, pipi, xawer, ikla, fann u sodda hux! U filgħodu l-istess, tqum taf li għandek ġurnata tralalla quddiemek, u ma jkollokx aptit tparla, you know!
“Se tibqa’ qisek kif għamel Sajmin bir-riżultat tal-elezzjoni int, Ajtjen, x’int skantat u ċass?”
Ċaqlaqt darbtejn rasi ‘l hemm u ‘l hawn biex niġi f’tiegħi. Imma balleċ, ma kontx għadni naf x’se nirrispondiha ta lill-Ċensina!
Imma thank God, biddlet id-diskors hija stess.
“Issa x’qed tagħmel, Ajtjen?”
“X’jiġifieri?”
“In-nanna bil-bandieri, x’kull waħda! Ma’ George Vella m’għadekx issa hux, għax dak ma hariġx għall-elezzjoni. Tlifnieħ ta! Kemm kien bravu marelli! Kien ipaxxini nisimgħu jitkellem, jaħasra! Ara ibgħatlu t-tislijiet ta’ jekk tarah u anki l-Misis Vella.”
“Le, Ċens. Issa ma’ Owen qed naħdem”.
“Iiiii ma’ dak? Proset ħej! Vera ħelu dak. Kemm hu dħuli Alla jbierek! Vera minn tagħna. Tal-qorti u tal-kultura u dak? Ara vera għandna gvern biex niftaħru ta, Ajtjen hi. Għandu tijm qawwi Joseph tagħna ta! Sew qalilna li l-kbir għadu ġej e! Dak Scicluna dejjem iħabbar serplas fuq serplas, Alla jbierek …”
Kif semmiet it-tberik biddlet il-qoffa minn idha l-leminija għax-xellugija, b’idha l-leminija ħarġet par qrun, daret kemm kemm u dawwritu fl-ajru lejn il-gallerija ta’ dik ta’ fuqha.
“Għax dik ma’ Sajmin ma jmorrux jgħajnuna bl-għira li għandhom, Ajtjen ħi”.
Xengilt naqra rasi, turija ta’ qbil, għalkemm ma kontx naqbel mal-qrun jixxejjer fl-ajru. Imma nsomma.
“X’ma jiġġennux ruħi! Il-qagħad daqt se jmiss il-qiegħ, fis-saħħa Fern qed jibbrilla, Mizzi u Borg għamlulna l-Kappara qabel iż-żmien, qed inbiddlu wiċċ Malta mill-istaġnar li kienet fiha għoxrin sena sħaħ!”
Kif għamlet id-dikjarazzjoni tagħha, Ċensina daret mill-ġdid lejn il-gallerija ta’ dik ta’ fuqha ta’ Sajmin u għolliet leħinha mill-ġdid.
“U ħallihom ħa jinfiskaw ħiiiii. Vera qed insiru l-għira tal-kulħadd. Uriehom Joseph, Alla jżomm idejh fuqek! Viva l-Lejber dejjem!”
“Sadanittant in-Nazzjonalisti għadhom idoqqu l-istess diska, Ċensina”, għidtilha jien, biex nipprova ndawwarha lura lejja, għax kienet għada bil-qrun ixejjer lejn il-gallerija ta’ fuqha. “Bla bla bla, bla sugu, more of the same, u tilgħin u neżlin il-qorti bil-fajls.” Żidt jien.
“M’għandhomx xi jgħidu Ajtjen ħi. Xi tridhom jgħidu?” irrispondiet, hekk kif niżżlet idha u dawwret rasha lejja. “Tiftakar lil Sajmin fl-elezzjoni meta ma kienx jitkellem minn ħalqu aktar mis-soltu u kien qal li l-investiment kien se jitlaq minn Malta għax ħadd ma jrid jiġi Malta? U li dawk li hawn f’Malta se jitilqu wkoll? Stilla daqs Salvu tal-kelb ħareġ e! Mhux talli ma telaq ħadd, talli f’temp ta’ ma nafx kemm, ġiet waħda mill-kumpaniji l-aktar magħrufa fl-Amerika tal-inxjurans!”
“Infurmata sew int Ċensina!”
“Ara x’kull waħda dal-fidil!” Qaltli Ċensina, “Mela ħsibt li jien xi njoranta jew? Jien insegwi l-aħbarijiet kollha ta’ gustuż! U anki fl-internett nidħol. U fejsbuk inteftef xi naqra ta’ wkoll! Mela qed taħsibha bħan-Nazzjnalisti int jew? Li aħna tal-Lejber xi balla njoranti u ma jixirqilniex ħlief inseftru! X’kull waħda wkoll!”
“U le Ċens … “
“Jaqbillek tgħid hekk!”
Ċensina ħadet nfs kbir. Minn dawk li jtellgħalha sidirha l-ampju ma’ gedduma u jerġa jinżel ‘l isfel postu, ftit ‘l fuq miz-zokra.
“Taf li ngħidlek id-dritt se nimmissjah lil Sajmin.”
Ħarist żewġ sekondi lejha b’għajnejja baxxi, għax ma kontx naf jekk kinetx qed tgħid bis-serjetà jew bin-nelħ.
“Iva ta!” qaltli, “Se nimmissajħ. Hekk qas naf.”
Bqajt inħares lejha. Issa vera skantat sew.
“Għax issa mhux ġejja dik il-kumpanija l-oħra f’Malta, li se tibda ttella’ s-satellliti fl-ispazju minn pajjiżna …” Kif qalet hekk infaqgħet tidħak b’ħanġra ta’ baqra.
“U ejja Ċens, ħsibtek qed tgħid bis-serjetà!”, weġibt bi tbissima.
“Ajma ħej … stenn ħa nieħu n-nifs”, qaltli hi u żżomm b’idha mal-ħajt. “Ajma ħej, ħenn għalija Mulej jaħasra .. x’daħka dik. X’kull waħda wkoll. U ħa naraw x’ġej minn dawk l-erbgħa li jridu postu! Ma nafx. Ma qed nara l-ħadd sura jien!”
Ifhem, minn dejjem ngħid li Ċensina żaqqa f’fommha. Ma tantx tħobb iddur mal-lewża. Kelma tobżoqha qabel tgħomodha. Imma ħaqq l-ostrijaka dinja, dejjem ikollha raġun!
“Avolja ta …”, kompliet, “Hemm dik li qed tħares lejn is-siġġu tal-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll.”
“Min?”
“U ajma! Dik tal-platti, frosti, kurunetti u tamborlin!”
“Eeeeeee!”
“Ara ma nafx jien ta. Vera kien qalilhom Joseph tagħna li kwolazzjoni, jew x-il mniegħel hi. Tal-konfużjoni ta!”
“Koalizzjoni …”
“U iva, minn dik”!
“Tellgħu tnejn fil-parlament minn fuq dahar in-Nazzjonalisti u ħallew lill-Pulliċin l-art, iridu wipp, jgħidu li tad-Demokratiċi, imma qed tikkmandhom iwaqqfu l-elezzjoni tal-Kap biex tkun tista’ toħroġ hi … xi ħaġa hekk, insomma … ħa ssir Kapa tal-Oppożizzjoni, maaaa x’taħwid qaddisa dinja!”
Hmmm.
F’daqqa waħda ma nafx x’ġara, hekk kif ħarset lejn l-arloġġ li kellha mall-polz.
“Ar’hemm għax ħlejtli siegħa nparla u għad baqgħali x’nagħmel id-dar”, sparat f’daqqa waħda Ċensina.
Eeeee jien, ħlejtilha siegħa!
“Ara sellili għall-Ministru ta!”, qaltli hekk kif warrbitni min nofs u bdiet miexja ‘l hemm. “U għidlu prosit tax-xogħol ruħi.”
Lanqas leħqet imxiet tul ta’ żewġ bibien. Smajt leħinha minn wara dahri.
“Ajtjen bilħaqq…”
Dort. “Għidli Ċens?”
“Int missierek meta għamlek? Taħt il-Lejber jew taħt in-Nazzjonalisti bħal ma għamel it-tfal dak haw … x’jismu Delia? U x’kull waħda u x’kull waħda wkoll. Ħaħ ħaħ ħaj! Ara vera qegħdin kif Alla jridhom. Tlaqtek!”
Qabel dort ħa nkompli, rajtha trodd xi żewġ slaleb wara xulxin. Qegħdin sew ta! Issa niftaħru jekk għamilniex it-tfal taħt Eddie, taħt il-Gonż jew taħt Sajmin! U le …