- Il-prostituzzjoni teżisti: Se nibqgħu nħarsu n-naħa l-oħra?
- Għaqdiet tan-nisa jopponu r-regolarizzazzjoni
- Esperti legali u tal-kriminoloġija jimmarkaw il-vantaġġi ta’ bidla
Il-prostituzzjoni f’pajjiżna hi realtà li teżisti bħalma teżisti f’kull pajjiż ieħor fid-dinja. Għal żmien twil ma kinetx suġġett ewlieni fl-aġenda tad-diskussjoni f’pajjiżna, iżda dikjarazzjoni tal-Prim Ministru dwar kif għandna nibdew niddiskutu jekk dan hux settur li għandu jkun regolarizzat wasslet biex id-dibattitu beda. Joseph Muscat għamilha ċara kif waħda mill-iktar affarijiet li tweġġgħu hi li pajjiżna jsib postu f’rapporti dwar traffikar ta’ persuni, partikolarment nisa għal skop ta’ prostituzzjoni, u s-soċjetà sal-lum għażlet li tinjora din ir-realtà. Bl-istil tiegħu l-Prim Ministru jidher li jrid jieħu din il-kwistjoni b’mod dirett bil-għan li l-iktar vulnerabbli jkunu mħarsa. Dwar dan, irridu naraw u nifhmu li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se jibdew jikkontribwixxu għad-dibattitu persuni minn oqsma differenti.
Fost dawk li ħarġu b’pożizzjoni l-ewwel kien hemm għaqdiet li jirrappreżentaw in-nisa li żammew sod mal-ħsieb li lissnu fis-snin l-imgħoddija li din hi xi ħaġa li m’għandhiex tkun regolata. Minn naħa l-oħra esperti li studjaw is-suġġett jaħsbuha xi ftit differenti. Fosthom il-kriminologu Trevor Calafato li fix-xhur li ġejjin se jkun qed jippubblika ktieb bi studju dwar il-Prostituzzjoni f’Malta.
Mal-gazzetta KullĦadd jispjega kif is-servizzi sesswali jvajraw minn dawk ta’ €20 għal att sesswali orali sa €500 għall-intercourse. Kollox jiddependi mill-età u n-nazzjonalità tal-prostituta kif ukoll mill-post fejn dawn is-servizzi jridu jiġu pprovduti: karozza, ħanut jew residenza.”
Filwaqt li jagħmilha ċara li għalkemm is-settur mhux regolat f’Malta wieħed jista’ jgħix mill-profitti ġġenerati mill-prostituzzjoni volontarja. Jispjega li hawn “tliet tipi ta’ attivitajiet ta’ prostituzzjoni, u t-tlieta li huma għandhom klijenti ta’ klassijiet soċjali differenti.”
In-nisa tat-triq bħalma wieħed isib fil-Marsa għandhom klijenti ta’ dħul baxx. Dawk li jiffrekwentaw stabbilimenti magħrufa bħala ‘message parlours’ għandhom status ogħla minn dawk li jfittxu l-prostituzzjoni fit-toroq u b’iktar flus fil-but eżempju negozjanti. Imbagħad hemm l-escorts, ġeneralment tfajliet mil-Lvant tal-Ewropa. Il-klijenti ta dawn huma nies sinjuri.
“Il-prostituzzjoni f’Malta hija legali. Huma l-attivitajiet relatati magħha bħal li tħaddem burdell li huma illegali. Ma tistax tistenna li se telimina dawn il-prattiċi u s-servizzi,” jgħid Calafato.
Ann Vella, Chairperson tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ħarsien tas-Soċjetà, titkellem b’mod differenti u iktar iebes. Tgħid li ma teżisti l-ebda prostituzzjoni volontarja. “Din hi valutazzjoni żbaljata u opportunista ta’ nies li jixtiequ jkomplu jisfruttaw nies vulnerabbli,” tgħid Vella li żżid kif ħafna nisa jispiċċaw fil-prostituzzjoni għaliex jew sfurzati jew inkella abbuzati u l-ewwel ċans li jkollhom jitilqu minn din it-triq. Fuq dan is-suġġett Dr Vella toħroġ b’ mod voċiveru u tgħid li meta nitkellmu fuq legalizzazzjoni jew regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni, inkunu qegħdin biss ngħidu li nies li huma vulnerabbli, u li qegħdin f’sistema ta’ abbuż, se “ngħinuhom” billi nfasslu liġi biex dan l-abbuż fuq nies fraġli jigi regolarizzat.” Tenfasizza li qegħdin “naħsbu biss fil-konsumatur u fl-industrija mhux f’min qiegħed ibati u jiġi sfruttat! Qegħdin nillegalizzaw l-abbuż. B’hekk l-abbużat issa jista’ jiġi abbużat legalment!”
Ma’ Vella jaqbel il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa. “Liġi ta’ din ix-xorta tkun qed tikkonferma li n-nisa qegħdin jiġu kkunsidrati bħala oġġett, bi ħlas. Din hija l-aktar forma degradanti ta’ kif tittratta l-mara – dik li tħallas għal favuri sesswali” qalet Grace Attard, Viċi President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa. Il-Kunsill insista li hemm bżonn ta’ taħriġ u ta’ tibdil ta’ mentalità fil-Korp tal-Pulizija, kif ukoll investigazzjonijiet fl-industrija tad-divertiment u r-rabtiet li jeżistu ta’ traffikar ta’ nies li huma marbuta mal-kriminalità organizzata, fosthom anki skopijiet ta’ traffikar ta’ droga, “Il-Kunsill jinsisti mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija biex jaħdmu fuq riformi fejn qabel jibdew proċeduri kriminali u jsir studju serju fejn jiġu identifikati l-vittmi tat-traffikar u tingħata l-protezzjoni neċessarja mill-pulizija anki bil-għajnuna ta’ social workers kif ukoll għajnuna legali immedjata. Dan il-fenomenu degradanti għandu jiġi indirizzat permezz ta’ programm interministerjali, flimkien mal-NGOs li digà qed jaħdmu f’dan il-qasam, b’nuqqas kbir ta’ riżorsi.”
Ta’ fehma differenti l-Għaqda Studenti tal-Liġi li diġà wriet is-sapport tagħha favur il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni fejn proponiet leġiżlazzjoni speċifika li tinkludi d-definizzjoni tant mixtieqa ta’ x’tikkonsiti l-prostituzzjoni. Hija tgħid li l-prostituzzjoni għandha titqies legali biss meta adult volontarjament jikkonsenta għaliha suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet. “Il-prostituzzjoni għandha tkun suġġetta għal-liġijiet tal-impjieg, kif ukoll regolamenti fiskali. Dan se jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-Gvern iżda wkoll għall-prostituti li se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn benefiċċji soċjali. B’hekk titnaqqas id-dipendenza mill-istat għall-assistenza soċjali.” Fl-opinjoni tal-GĦSL, il-prostituzzjoni għandha tkun suġġetta għal-liċenzja u regolata mill-awtoritajiet. “L-użu tal-kontraċettivi għandu jkun madatorju filwaqt li dawn il-ħaddiema għandhom jagħmlu check-ups regolari,” jgħidu l-istudenti tal-liġi.
Ann Vella tinsisti bil-kontra u għamlet referenza għall-mudell Nordiku li għaliha huwa l-aħjar mudell fuq liema l-liġi trid titfassal. Spjegat li dan jistrieħ fuq tliet pilastri. Il-persuna vulnerabbli li tinqabad fil-prostituzzjoni ma tiġix ikkastigata jew mibgħuta l-ħabs. Huwa min jisfrutta lil dawn in-nies vulnerabbli li għandu jintbagħat jew jiġi kkastigat. In-nies li jinqabdu fil-prostituzzjoni, għandhom jingħataw għajnuna psikoloġika, medika, soċjali u finanzjarja biex ikollom alternattivi ta’ impieg. Jekk ikollhom bżonn taħrig jew edukazzjoni biex ikunu jistgħu jtejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom, dan għandu jigi mogħti b’mod immedjat. “It-tfal fl-iskola għandhom jiġu mgħallma jħarsu lejn il-prostituzzjoni bħala abbuż ta’ nies vulnerabbli. Għalhekk għandhom jistkerrhu dan l-abbuż. Ma għandhomx jemmnu li dan hu xi dritt tas-sinjur fuq il-fqir.”
Iżda, id-dikjarazzjoni ta’ Vella tagħti l-impressjoni li m’hawn ħadd li jrid ikun fil-prostituzzjoni b’għażla tiegħu. Min ħadem u rriċerka ma’ nies fis-settur jgħid li mhux il-każ u għalhekk il-ħtieġa li ssir id-distinzjoni u r-regolarizzazzjoni.
U jekk hemm differenzi dwar ħafna, żgur li hemm qbil dwar il-fatt li sal-lum fil-Kodiċi Kriminali ta’ Malta għad m’għandniex definizzjoni ċara ta’ x’tinkorpora fiha l-prostituzzjoni.
Il-kriminologu Calafato jgħid: “Din fiha nnifisha twassal problema tal-interpretazzjoni, li jaf ukoll tkun skorretta. Nies li jaħdmu fil-prostituzzjoni huma bħal organizzazzjoni sigrieta, iktar suġġetti għall-abbuż. Li tillegalizza jew aħjar tirregola l-prostituzzjoni jista’ jkun mod kif titqajjem kuxjenza u ssir distinzjoni bejn min volontarjament jixtieq ikun involut fil-prostituzzjoni u min huwa sfurzat li jagħmel dawn l-attivitajiet.”
Ifisser kif dan jista’ jitfa’ iktar dawl fuq il-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-prostituti, iġene tal-postiijiet fejn jiġu offruti dawn is-servizzi. “Dan jista’ jgħin sabiex jintefa’ dawl fuq abbużi li jsiru li sfortunatament ma nisimgħux dwarhom jew ftit huma dawk li jiġu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet, ġeneralment għaliex ikunu konnessi ma’ każijiet iktar serji bħal omiċidji. M’hemm l-ebda organizzazzjoni uffiċjali li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema jew li tista’ toffri assistenza u tkun involuta fl-abbozz ta’ policies,” ikompli jispjega f’attitudni li tirrifletti kif dan hu suġġett li ma nistgħux nibqgħu naħarbuh.
Għax għalkemm injorata mis-soċjetà, li bħal donnha f’dawn il-każi għal ħafna snin preferiet tħares in-naħa l-oħra, il-prostituzzjoni f’pajjiżna hija realtà. Irrelattivament jekk tiġix regolata jew le, postha se jibqa’ għal min ifittex servizzi sesswali. Filwaqt li dawk li joġġezzjonaw il-legalizzazzjoni ta’ din l-attività taħt il-mantra tad-‘degradazzjoni tan-nisa’ bħal donnhom ma jirikonoxxux li għalkemm f’minoranza hemm anke irġiel prostituti! Bħal f’kull negozju ieħor jekk ikun hemm id-domanda hemm il-provvista. Għalhekk jekk raġel jew mara volontarjament jixtieq jaqla’ ħobżu mill-prostituzzjoni għaliex m’għandhomx jirregolaw lilhom infushom u jkollhom il-protezzjoni neċessarja mill-istat bħal kull ħaddiem ieħor?
X’JAĦSBU PAJJIŻI EWROPEJ?
Li wieħed jidentifika mudell li jirregola, jillegalizza u jikkontrolla l-prostituzzjoni mhux faċli. Mitt bniedem, mitt fehma. Anke fuq din il-kwistjoni m’hemmx pożizzjoni uniformi fl-Ewropa. Dr Calafato kien involut ukoll f’working group li kellu janalizza liġijiet u l-politika tal-prostituzzjoni.
Fid-19-il seklu kien hemm moviment sabiex il-pajjiżi tal-Punent jirregolaw u jimponu superviżjoni u kontroll. Madanakollu, huwa diffiċli li wieħed jiddetermina jekk l-ikkriminalizzar tal-prostituzzjoni hux effettiv minħabba li liġijiet bħal dawn għandhom l-effett li jitfgħu din il-problema taħt it-tapit minflok jaffaċċjawha.
Pajjiżi bħall-Greċja, l-Ungerija u l-Latvia llegalizzaw il-prostituzzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni u regolarizzazzjoni tal-burdelli. Possibilment, dawn il-pajjiżi rrealizzaw illi għalkemm dawn is-servizzi jistgħu jsiru illegali, dan jista’ jkollu l-effett li jpoġġi lil dawn in-nies f’pożizzjoni iktar vulnerabbli, potenzjalment suġġetti għall-abbuż, maltrattament u trażmissjoni ta’ mard.
L-Iżvezja għażlet li iktar milli tinkrimina l-prostitut/a l-liġi għandha tinkrimina lill-klijent u fil-fatt tikkriminalizza lil dawk li jixtru jew jippruvaw jixtru favuri ta’ natura sesswali. L-istess għamlu n-Norveġja u l-Iżlanda fejn estendew it-termini ta’ priġunerija għal mhux inqas minn sena. L-istess mudell ġie riċentament introdott fi Franza.
L-Olanda kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li għarfet il-prostituzzjoni daqs kwalunkwe impjieġ ieħor. Infatti il-burdelli huma liċenzjati. Il-prostituti mhumiex intitolati għal servizzi ta’ saħħa mingħajr ħlas u jridu jħallsu l-kontribuzzjoni soċjali. Għalkemm intitolati għall-istess pensjoni bħall-plejers tal-futbol minħabba li l-karriera tagħhom mhix waħda twila u tirrikjedi ‘tbatija fiżika’ fl-aħjar ta’ ħajjithom, ma jistgħux jieħdu benefiċċji bħal sick jew vacation leave. Lanqas ma jibbenefikaw minn benefiċji f’ każ li jiddeċiedu li jieqfu mix-xogħol. Jekk jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex xogħol jieħdu biss assistenza soċjali.
Fil-Ġermanja l-Att tal-Prostituzzjoni (2002) kien maħsub sabiex joffri kundizzjonijiet normali t’impjieg u jelimina konnotazzjonijiet ta’ moralità jew aħjar immoralità. Iktar u iktar ried jimmiljora l-istatus soċjali ta’ dawn in-nies, filwaqt li jipprovdi għall-qafas legali u strutturali. Madanakollu, inħolqu problemi dwar l-intervent tal-pulizija u l-esplojtazzjoni tal-ħaddiema.
Il-Kunsill ta’ Ewropa ħa pożizzjoni pragmatika u tbiegħed mill-kontroversja morali sabiex jirrispetta d-deċiżjoni tal-bniedem u l-mod kif irid jgħix. Minflok ħaseb sabiex jirregola aspetti ta’ saħħa, ir-riskji ta’ STDs u HIV/aids.
IL-LIĠI MALTIJA
Il-Kodiċi Kriminali jitkellem biss fuq li ġġiegħel jew tħajjar, timmanipula jew tittraffika persuna bl-għan li tiġi sfruttata għall-prostituzzjoni. Il-prostituzzjoni sfurzata hija reat kontra l-umanità. Ovvjament, mingħajr bżonn ta’ sottolinjar, il-prostituzzjoni tal-minorenni hija wkoll reat.
Il-kodiċi jitkellem ukoll dwar il-prostituzzjoni minn persuni ’l fuq minn 18-il sena. Jekk din il-persuna tkun imġiegħla mill-mara, raġel jew tutur, il-piena hija dik ta’ bejn sena u erba’ snin, li tista’ jkun ukoll bir-reklużjoni jew mingħajrha. Hemm attività oħra direttament relatata mal-prostituzzjoni: it-tlajjar, li huwa wkoll illegali u trattat fil-Kodiċi Kriminali.
Il-Kodiċi Ċivili wkoll jitkellem dwar il-prostituzzjoni. Infatti, jekk jirriżulta li post mikri qed jintuża għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, il-kirja tista’ tintemm awtomatikament. Ukoll, prostitut/a j/tista’ j/tkun diżereditat/a.
Madanakollu, il-liġi ma titkellem xejn dwar il-prostituzzjoni volontarja. Wieħed jista’ jgħid li la l-liġi ma titkellimx dwar il-prostituzzjoni volontarja din, għalkemm moralment ħażina, mhix illegali. Ubi lex voluit lex dixit, dak li l-liġi trid regolat se titkellem dwaru speċifikament. Infatti prostitut/a li j/tagħmel dan voluntarjament, j/tista’ j/tgħix mill-profit li hu/hi j/tiġġenera iżda ma j/tistax j/tirreġistra ma’ Jobs+.