Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux se jieħu passi fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzoppardi.
Dan minkejja li f’rapport tal-Awditur Ġenerali li investiga t-trasferiment tal-art tal-Fekruna, il-poplu Malti tilef mal-miljun ewro għall-gwadan ta’ kuntrattur qrib il-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi mill-ġurnalista jekk hux se jitlob għar-riżenja ta’ Azzopardi dwar dan il-każ skandaluż, Delia ċaħad li hemm investigazzjoni dwar l-aġir ta’ Azzoppardi.
Madankollu, huwa inqabad f’gidba hekk kif rapport fil-gazzetta tal-Ħadd li baqgħu mhux miċħuda, ġie kkonfermat li l-Pulizija qed tinvestiga dan il-ftehim skandaluż. Ftehim li kien sar possibbli permezz tal-approvazzjoni tal-eks ministru Nazzjonalista Jason Azzoppardi erbat ijiem qabel elezzjoni ġenerali tal-2013.
Delia qal lill-ġurnalista tagħna li għandu “informazzjoni skorretta, ħażina, u żbaljata, u m’hemm ebda investigazzjoni kriminali”.
Minkejja li Delia qiegħed jipprova jpinġi stampa li l-partit tiegħu jinsab magħqud, mistoqsi jekk jaħlifx għall-aġir ta’ Jason Azzoppardi bħalma għamlu Beppe Fenech Adami u Chris Said, il-Kap Nazzjonalista ħarab mill-mistoqsija u qal li meta taħlef trid tgħid il-verità:
“Ma jidhirlix li dan għandu x’jaqsam ma’ xejn. L-ewwel nies meta tgħid taħlef, tfisser li qed tagħti ġurament tal-verita. Jekk għandek mistoqsija x’tistaqsi lil Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, jew lil min trid, staqsihom”.
Adrian Delia, li huwa wkoll il-kelliem għall-Governanza Tajba wara li neżża lil Simon Busuttil minn dan id-dekasteru, naqas milli jwieġeb jekk jinkwetahx aġir bħal dak li Azzopardi li tellef lill-poplu Malti miljun ewro:
“Jien jinkwetani kollox li jaffettwa l-pajjiż. Jekk jirriżulta li hemm investigazzjoni kriminali kontra Jason Azzopardi, nieħu passi immedjati”.
Madankollu, minkejja konferma f’rapport tal-Awditur Ġenerali, xhieda fil-kumitat tal-kontijiet pubbliċi u investigazzjoni tal-Pulizija, Adrian Delia baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni għax għal darb’oħra jinsab fl-istess sitwazzjoni mwiegħra li ġabitu l-inkjesta Egrant.