Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fit-tieni kwart tas-sena naqsu bi tlieta l-fatalitajiet fit-toroq Maltin, meta mqabbel mal-istess xhur fl-2018. Bejn April u Ġunju t-toroq ta’ Malta ħallew sitt vittmi, li tlieta minnhom kienu passiġġiera u tlieta oħra kienu xufiera.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll tnaqqis fl-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku, li bejn April u Ġunju laħqu tlett elef tmien mija u tmintax-il inċident. Dan ifisser tnaqqis ta’ ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-isess perjodu tas-sena l-oħra.
L-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
Imqabbel mas-sena li għaddiet il-persuni midruba f’dan il-perjodu naqsu b’għaxra punt erbgħa fil-mija.
Iċ-ċifri juru li f’dan il-perjodu ħamsin xufier, 13-il passiġier u 22 persuna fit-triq weġġgħu gravi, bi kważi sebgħin fil-mija jkunu rġiel.
L-akbar ammont ta’ vittmi ndarbu f’ħabtiet bil-karozzi, muturi u vannijiet kummerċjali. Min-naħa l-oħra tliet ċiklisti ndarbu gravi u kważi ħamsa u sebgħin fil-mija kienu ħabtiet bejn żewġ karozzi.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-aktar jum li matulu seħħu inċidenti f’dan il-perjodu kien il-Ħamis, b’sitt mija u sitt inċidenti, bil-maġġoranza tagħhom seħħew bejn nofshinar u t-tlieta ta’ waranofsinhar b’total ta’ tmien mija u wieħed u erbgħin każ.
Ir-raħal ta’ Birkirkara ra l-akbar ammont ta’ inċidenti b’total ta’ 312-il inċident u segwew Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar.